Lokali

Malta ssellem lill-vittmi tal-attakki terroristiċi f’Pariġi

Illum Malta ngħaqdet mad-dinja u sellmet lill-vittmi tal-attakki terroristiċi tal-Ġimgħa li għadda fi Franza, b’ċerimonja simbolika fi Pjazza Kastilja. Matulha, inżammet minuta silenzju u ndaqqu l-qniepen tal-Knisja tal-Vitorja.

Fiċ-ċerimonja, ipparteċipaw l-Aġent President ta’ Malta Dolores Cristina, il-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-Kabinett tal-Ministri, Deputati u rappreżentanti tas-soċjetà.

Magħhom ipparteċipat ukoll l-Ambaxxatriċi Franċiża għal Malta (ritratt xellug), kif ukoll numru ta’ Franċiżi li f’idejhom kellhom bnadar ta’ pajjiżhom u anke fjuri ħomor.

Id-daqq tal-qanpiena tal-Knisja tal-Vitorja mmarka l-bidu u t-tmiem għall-minuta silenzju, li fi tmiemha, indaqqu l-Innu Franċiż u l-Innu Malti. Wara l-attività fi Pjazza Kastilja, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien fost dawk li ffirma l-Ktieb tal-Kondoljanzi fl-Ambaxxata Franċiża f’Malta.

Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof Mons Charles Scicluna ċċelebra Quddiesa b’suffraġju għall-vittmi ta’ dawn l-attakki. Ghall-Quddiesa attendew impjegati tal-Kurja u tal-Caritas, li flimkien mal-Arċisqof Scicluna osservaw ukoll minuta silenzju.

Ċerimonji biex jitfakkru l-vittmi tal-attakki terroristiċi tal-Ġimgħa li għadda saru wkoll f’Pariġi stess, fl-Italja, fl-Awstralja, fil-Kanada, fl-Eġittu u fir-Renju Unit fost l-oħrajn.