Putin: Finanzjament għall-ISIS minn 40 pajjiż
Il-President Vladimir Putin qal li skont is-servizzi sigrieti Russi, l-ISIS qed jiġi finanzjat minn nies minn 40 pajjiż, fosthom ukoll xi wħud li huma membri tal-G20. Informazzjoni, qal Putin, li issa ta lill-mexxejja kollegi tiegħu tal-G20.
Hu qal dan waqt is-summit tal-G20 f’Antalya fit-Turkija.
Il-President Russu qal li dan il-finanzjament ġej minn individwi privati u żied li kien importanti li jkun hemm koordinazzjoni akbar internazzjonali biex jitrażżan il-kummerċ illegali ta’ żejt mill-ISIS – sors ewlieni ta’ fondi għall-grupp.
Putin qal li waqt il-laqgħat li kellu hu wera ritratti bis-satelliti Russi li juru l-veru kobor tal-kummerċ illegali taż-żejt mill-ISIS. Hu żied li biex wieħed jifhem il-kobor, minn għoli ta’ 5,000 metru, il-kju ta’ trakkijiet jistennew biex jieħdu l-kunsinna żejt biex tinbiegħ kien imur lil hinn mill-orizzont.
Il-President Russu qal li dan ma kienx żmien li wieħed joqgħod jgħid min qed jiġġieled l-aktar kontra l-ISIS imma li kien importanti kien li jkun hemm front internazzjonali magħqud kontra l-ISIS.
Putin: Finanzjament għall-ISIS minn 40 pajjiż
