Lokali Parlament

Risposti Parlamentari għandhom jinkludu informazzjoni sħiħa

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ddikjara li kemm hu possibbli, ir-risposti li jingħataw mill-Ministri għal domandi parlamentari għandhom jinkludu informazzjoni sħiħa.

Ruling mogħti llejla mill-Ispeaker Anġlu Farrugia jsostni li għalkemm is-Sedja m’għandhiex poter fuq ir-risposti li jingħataw, tappella biex kemm hu possibbli tingħata l-informazzjoni kollha mitluba. F’każi fejn issir riferenza għal stqarrijiet pubbliċi, għandha titpoġġa kopja ta’ dawn l-istqarrijiet jew ikun indikat kif l-interpellant jista’ jkollu dik l-informazzjoni.

Ir-ruling ingħata wara talba tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar b’rabta ma’ domandi li saru rigward il-proposta tal-Gvern li jibni hub għal persuni b’diżabbiltà fin-Naxxar.

Robert Cutajar talab biex jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti li hemm dwar il-proġett. Filwaqt li f’risposta għal domanda, il-Ministru Michael Farrugia qal li kien għadu kmieni biex jitpoġġew dawn il-pjanti, f’risposta oħra li ngħatat ukoll fil-Parlament għal domanda oħra, intqal li kien hemm applikazzjoni dwar dan il-hub quddiem il-MEPA.

Fir-ruling tiegħu l-iSpeaker qal li għalkemm is-Sedja m’għandhiex poter dwar ir-risposti li jingħataw, ħeġġeġ biex kemm hu possibbli tingħata l-informazzjoni kollha.

Wara dan ir-ruling, fil-ħin tat-tqegħid tad-dokumenti, il-Ministru Farrugia llejla poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni addizzjonali b’rabta ma’ dan il-proġett propost, li qiegħed ukoll quddiem il-MEPA.