Lokali

€60,000 għal Ray Zammit bħala Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Infurzar Lokali

L-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit se jkun qed jirċievi pakkett finanzjarju ta’ €60,000 mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Kunsilli Lokali, hekk kif se jinħatar Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Infurzar Lokali. Din l-aġenzija ġdida se tieħu post ix-xogħol li qabel kien responsabiltà tal-Kunsilli Lokali.

L-għażla ta’ Ray Zammit saret direttament mill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ftit ġimgħat wara li rriżenja mill-kariga ta’ Aġent Kummissarju, sitt xhur biss wara li kien ingħata l-kariga. Fil-ħarġa tal-lum, The Times of Malta qal li l-ġurnal kien ilu xahrejn tibgħat mistoqsijiet u jitlob l-informazzjoni mill-Ministeru ta’ Owen Bonnici dwar il-pakkett finanzjarju ta’ Ray Zammit f’din il-kariga.

Fl-aħħar ġimgħat, Ray Zammit u l-familja tiegħu kienu nvoluti f’numru ta’ kontroversji. Zammit u ż-żewġ uliedu, Daniel u Roderick, instabu li kienu nvoluti f’kummerċ kontra r-regoli tal-Korp. Ibnu Daniel instab ukoll li aġixxa skorrettament f’investigazzjoni ta’ każ ta’ qtil, li seħħ fl-2008 u li fih hemm involut qarib tal-familja Gaffarena.