Lokali Parlament

Iċ-Ċimiterju tal-Addolorata se jgħaddi f’idejn il-privat

Il-Gvern qed jippjana li jgħaddi wkoll it-tmexxija tal-post u tas-servizzi taċ-Ċimiterju tal-Addolorata lill-privat u li se jkun mitlub iwettaq xogħlijiet ta’ tijtib u modernizzar ta’ dan il-post sagru li jinkludi wkoll it-tkomplija tal-proġett ta’ estensjoni ta’ madwar 3,000 qabar li kien inbeda mill-amministrazzjoni preċedenti. Il-Gvern irid li dan il-post jinkludi wkoll krematorju.

Dan ikkonfermah fil-Parlament is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne, meta kien qiegħed iwieġeb diversi mistoqsijiet supplimentari fosthom tax-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, li staqsiet b’kemm se jiġi estiż illum dan iċ-ċimiterju, u kemm hemm hu l-vot allokat mill-Gvern għal din l-estensjoni.

Chris Fearne saħaq li se jkun assigurat li min jidħol għal dan il-proġett ma jsirx sinjur mil-lejl għan-nhar u jkun hemm service agreement fit-tul biex ikun hemm tmexxija tajba tal-post u tas-servizzi li jingħataw minn dan il-post.

Għal aktar mistoqsijiet ta’ Claudette Buttigieg, is-Segretarju Parlamentari qal li dan hu proġett li nbeda mill-amministrazzjoni preċedenti u li fih diġà kienu ntefqu €1.5 miljun, li iżda kien waqaf fl-2010 u ma tkompliex.

Assigura wkoll lix-Shadow Minister li l-Gvern se jonora l-konvenji kollha li diġà saru ma’ ħafna nies dwar xiri ta’ oqbra fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Is-Segretarju Parlamentari saħaq li personalment mhux sodisfatt bit-tmexxija llum tal-Addolorata minkejja li saru xi miżuri ta’ titjib.

Dan hu pjan ieħor mill-istess Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa li qiegħed jikkonferma li se jkun qiegħed jgħaddi s-servizzi li llum joffri l-Gvern lill-privat.

Xahar ilu, fil-Parlament, ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg kienet żvelat każ xokkanti ta’ Senior Health Inspector fil-post sagru taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, li bena u biegħ illegalment oqbra u difen nies fuq għadam ta’ oħrajn f’oqbra ta’ soċjetajiet u fratellanzi.

Fil-Parlament ukoll kienet ikkundannat id-deċiżjoni li wara li tneħħa ftit tax-xhur ilu, ma ttiħdux passi kontra attività illegali u makabra li kienet qed issir bil-barka u l-approvazzjoni tad-Direttur tas-Sanità.

Wara li l-Pulizija ġiet infurmata dwar il-każ, bix-Shadow Minister Claudette Buttigieg tagħti l-informazzjoni kollha lill-Pulizija, il-Gvern kien ħatar inkjesta biex tinvestiga l-allegazzjonijiet serji dwar attivitajiet illegali fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.