Lokali Parlament

Il-Gvern illejla ma ħax il-ħin tal-Aġġornament

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia fit-tmiem is-seduta tal-lejla, għalaq is-seduta u aġġorna x-xogħol tal-Kamra għal għada fis-6pm wara li l-Gvern ma ħax il-ħin tal-Aġġornament li kien allokat lill-membri tal-Gvern.

Wara li l-Gvern ressaq l-aġġornament tal-Kamra għal għada u qara l-aġenda tax-xogħol parlamentari, wara seduta li bdiet fis-2pm, ma kien hemm ħadd min-naħa tal-Gvern biex jitkellem fil-ħin tal-Aġġornament li kien allokat għall-membri tal-Gvern.

Meta l-Ispeaker talab għar-rimarki fl-aħħar nofs siegħa tas-seduta, ma kien hemm ħadd min-naħa tal-Gvern li jieħu l-ħin tal-Aġġornament.

Is-seduta tal-lum kienet dominata mill-vot kontra l-Gvern tad-Deputata Marlene Farrugia li wara li vvutat favur żewġ emendi tal-Oppożizzjoni, irriżenjat mill-Grupp Parlamentari Laburista, mill-Partit Laburista u minn Chairman tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp.