Lokali

“Il-Gvern tradixxa s-sajjieda” – Toni Bezzina

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat rema’ għal kollox is-sajjieda u l-familji tagħhom. Dan huwa issa ċar għal kulħadd wara li l-Gvern naqas milli jappella sentenza tal-Qorti li tippermetti lil sajjieda barranin jistadu f’ibħra Maltin. Il-Gvern m’appellax minn din is-sentenza, u fil-fatt il-Qorti lliberat sajjied li nqabad jistad fl-ibħra Maltin.

Dan qalu l-Kelliem tal-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Marsaxlokk.
Fejn qabel sajjieda b’vetturi kbar ma setgħux jistadu fiz-zona sa’ 25 mil ‘il barra mill-kosta Maltija, issa b’din is-sentenza tal-Qorti li l-Gvern m’appellax, inħoloq preċedenti għall-barranin li jidħlu jistadu f’din iz-zona b’vetturi kbar.

Toni Bezzina qal li d-deċiżjoni tal-Gvern li ma jappellax din is-sentenza tfisser li l-Gvern rema għal kollox il-protezzjoni li kien innegozja l-Partit Nazzjonalista mas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Muscat issa rema dan kollu, biex is-sajjieda barranin se jkunu jistgħu jistadu fl-ibħra kif u kemm iridu.

Toni Bezzina kien akkumpanjat mill-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Aaron Micallef, li min-naħa tiegħu qal li dan hu tradiment kbir tas-sajjieda Maltin mill-Gvern ta’ Joseph Muscat. Aaron Micallef sostna li minkejja l-ħafna wegħdiet tal-Partit Laburista lis-sajjieda Maltin, dawn mhux jirriżultaw, b’mod speċjali meta wieħed iħares lejn l-atteġġjament ta’ Muscat u l-Gvern tiegħu quddiem din is-sentenza tal-Qorti, fejn baqa’ ma ħax passi biex jappellam is-sentenza.