Iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-laqgħa taċ-CHOGM f’pajjiżna se ssir f’Dar il-Mediterran il-Belt bis-sehem ta’ 360 parteċipant, fosthom it-tenur Malti Joseph Calleja.
F’konferenza tal-aħbarijiet li sar mid-direttur artistiku Ray Calleja, ingħataw dettalji ta’ din iċ-ċerimonja tal-ftuħ li fiha se jipparteċipaw ukoll membri tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u mużika oriġinali tul l-ispettaklu kollu.
Kantanti oħra jinkludu Errol tal-Airport Impressions, Matthew James Borg, Amber u Jasmine. Se jipparteċipa l-kor Animae li diġa’ ħa sehem fid-diska uffiċjali li saret għaċ-CHOGM 2015.
Il-produzzjoni se tinkludi viżwali minn Patrick Woodruffe li ħa ħsieb ukoll iċ-ċerimonja tal-Logħob Olimpiku f’Londra fl-2012. It-tim tal-produzzjoni huwa magħmul minn Ray Calleja, Alison White, Justin Brincat u Marygrace Pisani.
Interessanti l-fatt illi għal din iċ-ċerimonja ġew inklużi anke studenti tal-MCAST flimkien mal-għalliema tagħhom.
Dan ix-show se jiġi ripetut fil-ġranet taċ-CHOGM f’Dar il-Mediterran stess, u d-dħul se jmur kollu għall-Malta Community Chest Fund.
//= $special ?>