Id-Deputata Laburista Marlene Farrugia vvotat għall-ewwel darba mal-Oppożizzjoni u kontra l-Gvern Laburista fil-Parlament favur żewġ emendi li tressqu mill-Oppożizzjoni, fosthom l-emenda li titlob lill-Gvern li ċ-Chairman nominat u magħżul mill-Gvern biex imexxi l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent, jersaq għall-approvazzjoni u għall-iskrutinju tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, u li fih il-Gvern għandu wkoll maġġoranza.
L-emenda tal-Oppożizzjoni li m’għadditx meta ttieħed il-vot, tressqet mix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, Marthese Portelli, bil-Ministru Leo Brincat jiddikjara li dak li qed tipproponi l-Oppożizzjoni jmur barra mill-parametri ta’ dak li jrid il-Gvern – dak li ma jridx jibdel il-prattika ta’ kif jinħatru ċ-Chairpersons tal-awtoritajiet maħtura mill-Gvern.
Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia wieġbet diversi drabi lill-Ministru tal-Gvern, Leo Brincat, u ġibditlu l-attenzjoni għall-wiegħdiet li għamel il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni favur politika trasparenti, kontabbiltà u governanza tajba.
Il-Ministru Leo Brincat wieġeb li dak li qed tipproponi l-Oppożizzjoni hu barra mill-parametri tal-prattika tal-Parlament, u l-Gvern mhux lest li japplika dak li qed tipproponi l-Oppożizzjoni fuq il-ħatriet tal-Gvern.
Marlene Farrugia qalet li kważi tliet snin ilu l-poplu neħħa lill-PN mill-Gvern għax ried governanza ġdida u aħjar. Saħqet li din l-emenda wkoll tista’ tkun l-opportunità biex il-parametri li kien imdorri jaħdem bihom qabel, inkissruhom biex il-poplu jieħu parti mill-paterteċipazzjoni tul il-leġislatura kollha, permezz tad-deputati li jirrappreżentawh fil-Parlament.
Meta saret it-talba għall-vot dwar l-emenda tal-Oppożizzjoni, Marlene Farrugia ddikjarat li qiegħda f’sitwazzjoni li tivvota fuq vot li minnu se jkun jiddependi kemm hawn trasparenza mill-Gvern tal-ġurnata.
Spjegat li l-Oppożizzjoni rat id-dawl u llum qed tirrifletti dak li l-Partit Laburista kien jitlob mill-Opożizzjoni – politka ta’ trasparenza u l-kontabbiltà.
Min-naħa l-oħra, tinsab ukoll f’sitwazzjoni li f’dak li sal-lum għadha tagħmel parti minnu, il-Partit Laburista li tant prietka dwar it-trasparenza u l-kontabbiltà, illum għandu ċans jagħmel il-qabża għal demokrazija aktar miftuħa, governanza aktar trasparenti u kontabbli.
Iddikjarat li se tivvota favur il-poplu u favur il-leħen tal-poplu.
Marlene Farrrugia ddikjarat ukoll li għall-ewwel darba se tivvota mal-Oppożizzjoni għaliex l-Oppożizzjoni llum qed tagħmel dak li l-Partit Laburista tant ipprietka mill-Oppożizzjoni.
Sostniet ukoll li Gvern illum qed jonqos li jagħmel dak li wiegħed.
Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia ngħaqdet ukoll mal-Oppożizzjoni fi proposta oħra, u f’aktar appelli li saru mill-Oppożizzjoni lill-Gvern biex ma jkunx il-Gvern iżda r-rappreżentanti tal-għaqdiet ambjentali mhux governattivi li jinnominaw il-membri fuq il-Bord tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent. Dwar din l-emenda, id-Deputat Laburista Marlene Farrugia wkoll ivvutat mal-Oppożizzjoni. Din l-emenda wkoll m’għadditx minħabba l-maġġoranza li għandu l-Gvern fil-Parlament.
//= $special ?>