DWAR IL-KIRJA TAL-BINI TAL-GWU LILL-ARMS
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja tefagħha fuq ta’ qablu… Tony Zarb, meta kien qed jiġi mistoqsi dwar il-kirja ta’ parti mill-binja tal-General Workers Union lill-ARMS.
Kienet l-Oppożizzjoni li f’Marzu li għadda talbet lill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika jinvestiga jekk il-provvedimenti taċ-ċens bejn il-Gvern u l-General Workers’ Union ġewx miksura b’riżultat tal-kirja ta’ parti mill-Workers Memorial Building lill-ARMS.
Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali kkonkluda, fost l-oħrajn, li l-eks Segretarju Ġenerali Tony Zarb kien qal lil uffiċjal mid-Dipartiment tal-Lands li l-kirja setgħet issir għax kien tkellem ma’ ‘xi awtoritajiet’.
Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, Net News staqsa lis-Segretarju Ġenerali preżenti tal-General Workers’ Union Josef Bugeja min kienu dawn l-awtoritajiet li magħhom kien tkellem Tony Zarb. Iżda s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union tefagħha fuq ta’ qablu.
Filwaqt li qal li m’għandux idea ma’ min kien tkellem Tony Zarb, hu dderieġa lil dan il-ġurnal biex jistaqsi lil Zarb innifsu. Żied li bħala Segretarju Ġenerali preżenti, jibqa’ jżomm mal-istqarrijiet uffiċjali li saru s’issa u lest li jmur il-Qorti jekk l-Awditur Ġenerali jitlob hekk.
Josef Bugeja kien Deptuat Segretarju Ġenerali meta seħħet il-kirja u r-rapport tal-Awditur Ġenerali, li kkonkluda li Tony Zarb kien tkellem ma’ xi awtoritajiet ħareġ madwar xahar ilu. Fid-dawl ta’ dan, erġajna staqsejna jekk Bugeja jafx min huma dawn l-awtoritajiet, iżda insista li l-iskop tal-attivita’ kienet dwar kollaborazzjoni bejn it-trade unions.
Filfatt, il-kummenti ta’ Bugeja saru waqt żjara ta’ kortesija li l-uffiċjali tal-General Workers’ Union għamlet fl-uffiċju tal-Union Ħaddiema Magħqudin.
//= $special ?>