Lokali

“Daqt noħroġ, daqt noħroġ” – it-tfajla li weġġgħet f’Paceville u issa ħarġet mill-ITU

Tkompli taqleb għall-aħjar il-kundizzjoni ta’ saħħet it-tfajla ta’ 13-il sena li s-Sibt li għadda kienet fil-periklu li titlef ħajjitha wara l-inċident gravi ta’ Paceville, fi storja ta’ determinazzjoni u kuraġġ.

Filfatt ħabiba tagħha kitbet li hekk kif marret ħdejha l-isptar, hi assiguratha li dalwaqt toħroġ: “Daqt noħroġ, daqt noħroġ” qaltilha t-tfajla, b’riferenza għall-isptar.

Ħbieb oħra tagħha komplew li t-tfajla qed taqleb għall-aħjar kuljum waqt li oħrajn urew is-sodisfazzjon tagħhom li raw lit-tfajla titbissem mill-ġdid.

Fuq Facebook, ma qatgħu xejn il-kummenti b’awguri ta’ fejqan ta’ malajr mill-ħbieb tagħha, b’xewqa waħda li jfittxu jarawha magħhom mill-aktar fis. Ħafna kienu dawk ukoll li wegħduha li jmorru jarawha l-Isptar biex, bħalma dejjem qasmu magħha l-mumenti sbieħ, issa jaqsmu wkoll il-mumenti anqas sbieħ.

Fost numru ta’ kummenti, akkumpanjati minn ritratti ta’ Dimiana u l-ħbieb tagħha, dawk l-aktar qrib tagħha esprimew li kif saru jafu ħaduha bi kbira ħafna. Ħafna minn dawn, esprimew ukoll ruħhom sorpriżi li t-tfajla msemmija kienet fil-fatt hi.

Ħabiba partikolari qalet li kif saret taf li fost il-feruti hemm tfajla ta’ 13-il sena ħadet qatgħa, iżda kif imbagħad irrealizzat li kienet propja Dimiana “intlift minn sensija”.