Lokali Parlament

Il-Gvern m’għandux jibqa’ jaħbi l-ftehim miżmum sigriet dwar l-Isptar t’Għawdex

Ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said appella fil-Parlament lill-Gvern jippubblika immedjatament u mingħajr dewmien il-ftehim li għamel dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex jagħti serħan il-moħħ lill-Għawdxin.

Iddikkjara li l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni mhix kontra l-investiment privat fil-qasam tas-saħħa, iżda li l-investiment isir biex jinbena sptar ieħor, speċjalizzat, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jibqa’ f’idejn il-Gvern għaliex wissa lill-Gvern li l-intenzjoni tal-privat hi dejjem favur u fl-interess tal-profitt.

Chris Said tkellem illejla fil-ħin tal-Aġġornament u qal li l-Partit Laburista qatt ma tkellem fil-Manifest Elettorali tiegħu dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar ta’ Għawdex. Bil-maqlub ta’ dak li qed jagħmel illum, il-PL kien qal li se jkun qed jinvesti bil-kbir, bix-Shadow Minister jikkritika lill-Gvern li mhux biss mhux se jinvesti, iżda se jbiegħ l-isptar għal 30 sena.

Filwaqt li qabel l-elezzjoni qatt ma indika l-privatizzazzjoni, Chris Said qal li hu konvint li kollox kien maħdum bizzilla meta l-Prim Ministru, fl-ewwel deċiżjonijiet li ħa meta ħatar il-Kabinett, neħħa s-saħħa mill-Ministeru għal Għawdex. Semma wkoll kif f’ħames ġimgħat intgħażel ukoll il-prefered bidder.

B’dak li qed jagħmel il-Gvern, qal ix-Shadow Minister Chris Said, l-Għawdxin m’għandhomx għażla, hekk kif ikkritika lill-Gvern li wettaq privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet bil-ħabi u b’segretezza hekk kif il-Gvern irid ukoll iwieġeb dwar il-miljuni ta’ fondi Ewropej li ntużaw għall-immodernizzar ta’ dan l-isptar f’Għawdex li issa se jgħaddi f’idejn il-privat u mhux aktar f’idejn l-istat.

Ghawdex view

Wiegħda lill-Għawdxin li mhux se titwettaq
Filwaqt li fil-qasam tas-saħħa l-Partit Laburista wettaq dak li ma wegħidx lill-Għawdxin qabel l-elezzjoni, Chris Said qal li dak li wiegħed dwar l-air link bejn Għawdex u Malta, issa ramih u mhux se jwettqu.

Ikkritika lill-Partit Laburista li dak li hu ovvju – li trid tittieħed art verġni biex issir runway żgħira – messu rah qabel ma wegħedha qabel l-elezzjoni. Fakkar li sena ilu fil-Baġit, il-Gvern qal li tlestew l-istudji u fi żmien qasir se jkun hemm servizz bl-ajru mhux biss bejn iż-żewġ gżejjer, iżda wkoll titjiriet minn Għawdex lejn postijiet oħrajn fil-qrib fil-Mediterran.

Semma li wara li għaddiet sena mhux biss ma sar xejn, iżda l-Gvern issa qed jidfen proġett ieħor imwiegħed qabel l-elezzjoni għaliex iddikjara li l-proġett tal-air link m’għadux prijorità. Dan meta l-wegħda tal-fast ferry service lanqas m’għadha tissemma, u l-aċċessibbiltà permezz ta’ mina għadu ‘l bogħod.

Cittadella restoration

L-OHSA għandha twaqqaf il-periklu kbir fiċ-Ċittadella
Tkellem ukoll dwar ix-xogħlijiet li għaddejjin u li waslu fl-aħħar fażijiet tagħhom fiċ-Ċittadella. Appella lill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA), u awtoritajiet oħrajn kompetenti, biex jieħdu l-passi meħtieġa, u jwaqqfu qabel ma jkun tard wisq il-periklu li fih jgħaddu ta’ kuljum ħafna nies li jridu ta’ bilfors iserrpu minn bejn ix-xogħlijiet li għaddejjin b’għaġla biex jitlestew sal-aħħar tas-sena biex ma jintilfux il-fondi tal-UE.

Semma li filwaqt li ttieħdet deċiżjoni li minħabba dawn ix-xogħlijiet fil-Katidral ma jsirx quddies u t-turisti ma jgħaddux, tħalla l-aċċess għall-Qorti bin-nies jitħallew jgħaddu b’periklu minn qalb it-taħwid tax-xogħlijiet. Semma wkoll kif il-ħaddiema tal-Qorti u kull min juża l-Qorti huma sorpriżi kif ma nstabx post alternattiva minn fejn jaħdem il-Qorti.

Appella wkoll lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, li fi żjara ta’ spezzjoni li mistennija ssir il-ġimgħa d-dieħla, tassigura li r-rampa li saret għal dawk b’diffikultà ta’ mobbilità u li twassal għall-Katidral fiċ-Ċittadella, hi skont il-liġi.

Tank għall-ħażna tal-gass f’nofs l-abitat fit-triq li twassal għaċ-Ċittadella
Chris Said esprima wkoll it-tħassib tar-residenti ta’ Triq il-Kastell, it-triq li tagħti għaċ-Ċittadella, li wara li ma kinux ikkonsultati, kienu infurmati li taħt din l-art tpoġġa tank għall-ħażna tal-gass. Dan tqiegħed f’nofs l-abitat u taħt dar tal-anzjani mmexxija mis-sorijiet.

Staqsa x’inhu l-iskop li jsir dan it-tank tal-gass fil-qalba taċ-ċentru, filwaqt li fisser li l-ittra li rċevew ir-residenti qajmet aktar mistoqsijiet u kjass.

Speed cameras mhux fissi biex jiġu evitati aktar imwiet
Tkellem ukoll dwar tweġiba li ta l-Ministru Joe Mizzi dwar Triq l-Imġarr, it-triq prinċipali li mill-port tal-Imġarr twassal sar-Rabat f’Għawdex, fejn fl-aħħar ħames snin mietu ħames persuni u weġġgħu gravi 30.

Filwaqt li rrimarka li din hi triq residenzjali kemm f’Għajnsielem kif ukoll fix-Xewkija, appella lill-Ministru Mizzi mhux jgħid li qed jistudja dwar dak li hu meħtieġ li jsir biex jiġi kontrollat is-sewqan veloċi, kif għamel meta wieġeb mistoqsija parlamentari, iżda li se jwaħħal speed cameras li ma jkunux fissi, u li jitwaħħlu sinjali għas-sewwieqa li fit-triq kollha hemm speed cameras li jinbidlilhom il-post.

Appella lill-Ministru li m’hemmx aktar x’wieħed jistudja biex ma jintilfux aktar ħajjiet.

Fanal tal-Gordan

Appell ieħor tax-Shadow Minister għal Għawdex kien biex ma jitħalliex jikkrolla l-Fanal tal-Ġordan – post storiku u ta’ landmark f’Għawdex li jinsab fi stat diżastruż u li jista’ jikkrolla jekk ma jkunx hemm intervent immedjat.

Irrimarka li l-Kunsill tal-Għasri ilu snin jitlob biex jieħu f’idejh ir-restawr tal-Fanal tal-Ġordan, bir-risposta dejjem tkun li dan qiegħed f’idejn Transport Malta li tikrih ukoll lill-privat.

Semma li l-permess għax-xogħol ta’ restawr se jeskadi fl-24 ta’ Novembru li ġej. Appella lill-Ministeru għal Għawdex jieħu l-passi meħtieġa biex jinbeda x-xogħol biex il-Fanal tal-Ġordan jiġi salvagwardat.