Riċerkaturi man-National Cancer Institute f’Michigan, fl-Istati Uniti, żvelaw studju ġdid li jorbot sitwazzjonijiet fejn persuna ssegwi t-televiżjoni għal żmien eċċessiv ma’ ‘tmien kawżi tal-mewt’ ewlenin, li jinkludu l-kanċer, il-mard tal-fwied u l-marda tal-Parkinson’s.
Ir-riċerkaturi skoprew li n-nies li jaraw it-televiżjoni għal aktar minn tliet sigħat u nofs kuljum mhux talli qed jissugraw li jimirdu b’qalbhom jew il-kanċer (mard partikolari assoċjati man-nuqqas ta’ attività fil-bniedem) iżda jissugraw ukoll li jimirdu bid-dijabete, l-influwenza, il-pneumonia, fost affarijiet oħra.
In-nies li jintefgħu quddiem is-sett tat-televiżjoni għal bejn tlieta u erba’ sigħat kuljum għandhom ’15 fil-mija aktar ċans li jmutu minn xi kawża (marda) komuni’ milli dawk li jaraw it-televiżjoni għal anqas minn siegħa kuljum.
Imbagħad, dawk in-nies li jaraw it-televiżjoni għal seba’ sigħat kuljum għandhom 47 fil-mija aktar ċans li jmutu mill-imsemmi mard – dejjem skont l-istudju.
Ix-xjenzati kkunsidraw anki fatturi oħra f’dan l-istudju, fosthom id-dieti ħżiena, it-tipjip u x-xorb tal-alkoħol. Madankollu huma sabu li, ladarba jitwarrbu dawn il-fatturi, l-element tas-sogru konness mas-sitwazzjonijiet ‘fejn in-nies ipoġġu bil-qiegħda u jdumu quddiem it-televiżjoni’ baqa’, pjuttost, l-istess.
//= $special ?>