Proposta biex tiġi stabbilita mill-ġdid il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità bħala Uffiċċju tal-Parlament indipendenti… il-Gvern jiddikjara li ma jaqbilx u jattakka lill-Oppożizzjoni
Il-Parlament illejla beda jiddiskuti Abbozz ta’ Liġi li tressaq mill-Oppożizzjoni biex tiġi stabbilita mill-ġdid il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità bħala Uffiċċju tal-Parlament indipendenti mill-Eżekuttiv.
L-Abbozz ta’ Liġi kien tressaq fil-Parlament mid-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri, u qed jiġi diskuss din il-ġimgħa wara insistenza tal-Oppożizzjoni f’laqgħa li saret din il-ġimgħa stess tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, biex il-Gvern iressaq fuq l-aġenda tal-Parlament u jibda jiddiskuti mozzjonijiet li ilhom pendenti u li l-Gvern ilu jevita li jressaq għad-dibattitu fil-Parlament. Hemm mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni li ilhom pendenti aktar minn sena.
Wara l-insistenza mal-Gvern mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, David Agius, intlaħaq qbil biex illum jibda jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi mressaq mid-Deputat Stephen Spiteri.
L-Oppożizzjoni qed tipproponi f’dan l-Abbozz ta’ Liġi, li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità għandha tkun magħmula minn mhux anqas minn 14-il membru. Seba’ membri jinħatru minn fost dawk il-persuni li l-Kamra jidhrilha li jistgħu jirrappreżentaw bl-aħjar mod lill-Ministeri responsabbli għall-Politika Soċjali, ix-Xogħol, is-Saħħa, l-Edukazzjoni, id-Djar u l-Ippjanar Ekonomiku, kif ukoll xi Ministeri oħra rilevanti.
Seba’ membri oħra jinħatru minn fost dawk il-persuni li, fil-fehma tal-Kamra, ikunu l-aħjar biex jirrappreżentaw organizzazzjonijiet volontarji li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità, wara konsultazzjoni, permezz tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali, ma’ dawk l-organizzazzjonijiet volontarji.
Qed jiġi propost ukoll li l-Kummissjoni għandha tippreżenta quddiem il-Kamra, mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru ta’ kull sena, Pjan ta’ Ħidma, li jinkludi Pjan Finanzjarju, li jkun jindika l-attivitajiet tas-sena ta’ wara.
Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri spjega l-ħsieb tal-Oppożizzjoni wara din il-proposta, u qal li l-Oppożizzjoni triq Kummissjoni li tkun indipendenti u taħdem verament għad-drittijiet u l-bżonnijiet ta’ dan is-settur tas-soċjetà. Kummissjoni li tħares ukoll il-każijiet partikulari tal-individwi minħabba d-diversità li hemm ta’ diżabilitajiet.
Tkellem ukoll dwar l-importanza tal-funzjoni tal-mekkaniżmu indipendenti u rrifera kif il-proposta tal-Oppożizzjoni se tkun qed tirrispetta u tħares il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, u wkoll mal-Prinċipji ta’ Pariġi.
Stephen Spiteri qal li b’dak li qed tipproponi l-Oppożizzjoni, irridu nilħqu l-kunċett ta’ ħajja indipendenti li kulħadd jixtieq li naslu għalih. Għalkemm ħafna jqisuh bħala l-ideali, għandna nkunu aktar sodi fl-implimentazzjoni tal-liġijiet biex ngħinu lil dan is-settur, bħalma hu fil-qasam tax-xogħol u fl-edukazzjoni inklussiva.
Il-Gvern ma jaqbilx u jattakka lill-Oppożizzjoni
Il-Ministru Helena Dalli ddikjarat li l-Gvern mhux jaqbel mal-proposta u mal-abbozz li qed tippreżenta l-Oppożizzjoni permezz tal-mozzjoni privata. Il-Gvern mhux qed jaqbel għaliex irid u se jkun qed iwaqqaf fix-xhur li ġejjin b’mod indipendenti mill-Gvern, Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u Ugwaljanza, kif hu dikjarat ukoll il-Prinċipji ta’ Pariġi.
Ma taqbilx li l-Kummissjoni terġa’ tiġi komposta mill-ġdid biex issir indipendenti mill-eżekuttiv minħabba r-realtà tas-servizzi li toffri l-Kummissjoni li minħabba fihom ma tistax tkun indipendenti mill-eżekuttiv.
Għall-appelli li għamel id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri għall-ħidma effettiva bejn Gvern u Oppożizzjoni, il-Ministru Dalli attakkat lill-Oppożizzjoni li m’għandhiex rekord politiku tajjeb fejn jidħlu l-prinċipji tal-ugwaljanza u d-drittijiet ta’ minorenni.
//= $special ?>