Imutu erbgħa u 30 inċident tat-traffiku gravi …u l-Ministru Mizzi jgħid li għadu għaddej bl-istudju

Triq l-Imġarr fl-aħħar tliet snin rat aktar mit-triplu ta’ inċidenti tat-traffiku meta mqabbla mat-tliet snin ta’ qabel

Quddiem erba’ diżgrazzji fl-aħħar snin li ħallew erba’ vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku, tnejn minhom fl-aħħar tliet snin, u 30 inċident gravi ieħor, 21 minnhom fl-aħħar tliet snin fi Triq l-Imġarr f’Għawdex li mill-port tal-Imġarr twassal sar-Rabat, il-Gvern għadu qiegħed jistudja miżuri ta’ kontroll tas-sewqan.

Ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, fil-Parlament ressaq it-tħassib tiegħu dwar dawn l-inċidenti li qed iseħħu fl-istess triq f’Għawdex f’mistoqsijiet li ressaq lill-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, u lill-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura, Joe Mizzi.

Tabella incidenti - Gozo

Jirriżulta minn informazzjoni u tabella li tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra, li fl-aħħar tliet snin sa Ottubru li għadda, tilfu ħajjithom żewġ persuni f’inċidenti tat-traffiku fatali. Żewġ vittmi oħra ta’ inċidenti fatali f’din l-istess triq, tilfu ħajjithom fl-2009.

Jirriżulta wkoll li mill-2008 sal-aħħar ta’ Ottubru, seħħew 34 inċident gravi – 21 minnhom fl-aħħar tliet snin hekk kif Triq l-Imġarr rat aktar mit-triplu ta’ inċidenti fatali meta mqabbla mat-tliet snin ta’ qabel.

Quddiem l-imwiet u l-inċidenti gravi li seħħew f’din l-arterja ewlenija tat-traffiku f’Għawdex, ix-Shadow Minister Chris Said staqsa lill-Ministru Joe Mizzi jekk hemmx pjan biex fi Triq l-Imġarr, li twassal minn Għajnsielem sar-Rabat, Għawdex, isiru traffic calming measures bħal speed cameras, u jekk iva, x’inhu ppjanat li jsir u meta hu maħsub li jsir.

Il-Ministru Joe Mizzi wieġeb li miżuri ta’ traffic calming vertikali mhux rakkomandati li jsiru fi Triq l-Imġarr minħabba l-użu u l-klassifikazzjoni ta’ tali triq.

Fir-rigward ta’ speed cameras, qal li bħalissa qed isir studju fuq sistemi differenti ta’ infurzar tal-veloċità tas-sewqan sabiex jiġu stabbiliti l-aktar sistemi effettivi u effiċjenti fl-isfond tal-iżviluppi tat-teknoloġija.