Internazzjonali

Ir-Re tal-Ġordan iwissi dwar gwerra dinjija kontra l-umanità

Image #: 34206418 Jordan's King Abdullah II speaks during a meeting with Federal Minister of Defence Ursula von der Leyen (not pictured) in Amman, Jordan, 12 January 2015. Photo: MAURIZIO GAMBARINI/dpa DPA /LANDOV

Ir-Re Abdullah tal-Ġordan wissa li d-dinja qed tħabbat wiċċha “mat-tielet gwerra dinjija kontra l-umanità.”
Hu qal dan waqt żjara uffiċjali fil-Kosovo. Ir-Re Abdullah qal li kemm l-Ewropa, kif ukoll l-Iżlam kienu qed ikunu attakkati minn terroristi li setgħu jattakkaw kif u meta jridu.
Hu qal li dak li qed jiġri bħalissa kien it-tielet gwerra dinjija, u hu dan li qed jgħaqqad lil dawk ta’ rieda tajba.
Ir-Re tal-Ġordan saħaq li din kienet gwerra li qed tħabbat wiċċha magħha d-dinja u hi gwerra ġewwa l-Iżlam ukoll, filwaqt li fakkar fl-ammont kbir ta’ nies Musulmani li nqatlu mill-ISIS.
Wara, waqt żjara fl-Awstrija, Abdullah qal li kien ottimist li d-dinja kienet se tingħaqad kontra din it-theddida u fakkar li fis-Sirja u l-Iraq, il-ġellieda tal-ISIS qatlu aktar minn 100,000 Musulman.
Hu qal li n-nies tal-ISIS kienu slavaġ li jaġixxu barra mill-konfini tar-reliġjon u kienu nieqsa minn kull sens ta’ umanità, filwaqt li ma jirrispettaw ebda liġi jew konfini.
Għalhekk, qal r-Re, kien importanti ħafna li r-reazzjoni tkun waħda immedjata u t-tweġiba għal dak li qed jiġri tqis ukoll it-theddid li hemm kemm fl-Ewropa imma wkoll fl-Afrika u l-Asja.
Il-Ġordan, pajjiż Musulman, hu membru tal-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti li qed tibbumbardja qagħdiet tal-ISIS fl-Iraq u s-Sirja. Il-Ġordan ta kenn lil 1.4 miljun Sirjan li qed jaħarbu mill-gwerra li hemm f’pajjiżhom.