Minn informazzjoni li għandu dan is-sit, jidher li ħaddiema qegħdin jaqilgħu il-wires tas-sistema tad-dawl mal-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja li kienet fiċ-ċentru ta’ kontroversja f’dawn l-aħħar ġimgħat. Filwaqt li jidher li l-ħaddiema kienu qed jaqilgħu xi wires, mhux magħruf jekk is-sistema hux se titneħħa jew qed isir xi tibdil fuqha għalkemm jidher li qed isir tikħil tat-toqob li saru fil-faċċata.
Is-sistema, li swiet €300,000, ġibdet il-kritika kemm għall-effett estetiku fuq il-faċċata ta’ Kastilja, kif ukoll għall-ħsara deskritta bħala “irriversibbli” tal-istallazzjoni fuq il-faċċata.
Bħala parti mix-xogħolijiet tas-sistema tad-dwal, saru diversi toqob fil-ġebla, xi ħaġa li kwalunkwe restawratur jaqbel li għandha tkun evitata għal kollox.
Iffaċċjati mill-mewġa ta’ kritika pubblika, kemm iċ-Chairman kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA ikkundannaw dawn ix-xogħolijiet u farfru r-responsabbilta’ fuq is-Sovrintent tal-Wirt Kulturali.
Is-sistema ta’ dwal fuq il-Berġa ta’ Kastilja kienet approvata mill-MEPA f’ġurnata permezz ta’ proċedura magħrufa bħala DNO wara li ngħata permess mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.
//= $special ?>

