Lokali

L-NAO għandu jinvestiga l-Visas mogħtija lill-Alġerini – il-PN

Quddiem l-iskandlu gravi tas-7,000 Visa maħruġa bejn Marzu 2014 u l-aħħar ta’ Settembru 2015, l-Oppożizzjoni kitbet lill-Awditur Ġenerali (NAO) biex jinvestiga dan il-każ ta’ allegat korruzzjoni u tixħim biex inħarġu dawn il-Visas.

Il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni saret pubblika waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami u l-Kelliem tal-Oppozizzjoni għall-Immigrazzjoni Francis Zammit Dimech.

F’dik is-sena u nofs, il-Konsulat Malti fl-Algerija ħareġ 6,781, li 6,748 minnhom inħarġu lil persuni Alġerini, b’Beppe Fenech Adami ifakkar li dawn il-persuni mhux biss ingħataw aċċesss għal Malta, iżda wkoll għall-Unjoni Ewropea.

Għalhekk, l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Awditur Ġenerali biex fost l-oħrajn jinvestiga jekk kienx hemm korruzzjoni fil-ħruġ ta’ numru daqshekk kbir ta’ Visas, jekk hux minnu li l-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kienu jafu bl-abbużi li kienu qed iseħħu fil-Konsolat Malti fl-Alġerija, kif it-tijiriet tal-Air Malta mill-Alġerija lejn Malta kienu qed jiġu mimlija iżda jitilqu lura vojta, kif ukoll kemm mill-Alġerini li kisbu l-Visa marru fl-Ewropa, partikolarment fi Franza.

Beppe Fenech Adami tkellem ukoll dwar il-Konslu Malti fl-Alġerija, li għandu parantela mal-Prim Ministru. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għandu jkun iddikjarat jekk dan il-Konslu kellux kwalifiċi diplomatiċi u l-esperjenza meħtieġa, fosthom jekk kien jafx il-Franċiż u jekk intgħażilx wara sejħa pubblika.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Francis Zammit Dimech tkellem dwar l-importanza li l-Gvern ma jkissirx ir-reputazzjoni ta’ Malta, filwaqt li sostna li għal diversi ġimgħat il-Gvern irrifjuta li jagħmel investigazzjoni dwar dan il-każ serju. Minbarra l-kwistjoni tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna, dan hu każ li għandu jintrabat ukoll mas-sigurtà tal-pajjià, sostna Francis Zammit Dimech.