Internazzjonali

Rapporti konfliġġenti dwar il-mewt tal-moħħ wara l-attakki f’Pariġi

Skont il-Washington Post, il-moħħ wara l-attakki nqatel f’raid f’Saint-Denis

Jeżistu rapporti konfliġġenti fil-media internazzjonali dwar jekk ir-raġel li kien qed jiġi akkużat bħala l-moħħ wara l-attakki terroristiċi tal-Ġimgħa li għadda f’Pariġi inqatel waqt ‘raid’ li sar illum f’appartament fil-kapitali Franċiża.

Fuq naħa, is-sit elettroniku tal-Washington Post ikkwota Uffiċjali Għolja tas-Sigurtà li qalu li Abdelhamid Abaaoud inqatel waranofsinhar fis-subborg ta’ Saint Denis. Min-naħa l-oħra, il-media Franċiża qed tgħid li Abaaoud mhuwiex wieħed minn dawk li mietu jew kienu arrestati f’dawn ir-raids.

Fir-raid, li beda sa minn kmieni dalgħodu, mara splodiet lilha nnifisha, filwaqt li suspettat ieħor inqatel. Kawża tal-isplużjoni, weġġgħu wkoll erba’ Pulizija.

Mas-sebħ, instema’ ammont kbir ta’ sparaturi fiż-żona Saint Denis wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni li kien imminenti attakk ieħor f’Pariġi. Fil-fatt, skont il-Prosekutur ta’ Pariġi, fir-raid inqered għal kollox pjan li t-terroristi jidher li kellhom diġà ppjanat fi stadju avvanzat ħafna.