Eugenio Gaffarena ta’ 57 sena mill-Imqabba tressaq il-Qorti u kien akkużat li fil-31 ta’ Lulju 2015 hedded u insulenta Surġent tal-Pulizija fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq.
Dak l-inċident kien seħħ wara li l-Pulizija kienu bagħtu għalih biex jistaqsuh dwar każ ta’ hit and run li fih kienet involuta vettura li kienet fuq ismu.
Nifhmu li dakinhar li hu mar l-Għassa, wara li l-Pulizija kienu wissewh u infurmawh dwar id-drittijiet tiegħu – li hu rrifjutahom – spiċċa biex attakka verbalment lis-Surġent. Hu heddu li saħansitra kien se jirrapportah lill-Ministru Carmelo Abela biex jagħtih transfer lejn l-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan.
Wara dak l-inċident il-Pulizija kienet ħadet il-passi neċessarji kontra tiegħu u aktar kmieni din il-ġimgħa hu tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Clare Zammit Stafrace u kien akkużat bir-reati li għamel. Fis-sentenza tagħha l-Qorti sabitu ħati u tatu sentenza ta’ tliet xhur priġunerija sospiżi għal sena. Hu kien immultat ukoll is-somma ta’ €1,000.
//= $special ?>

