Internazzjonali

Anonymous jippubblika dettalji personali ta’ persuni qrib l-ISIS u jwiegħed attakk eħrex wara l-qtil ta’ Diesel

Il-grupp ta’ hacktivists Anonymous se jkompli jattakka lill-Istat Iżlamiku fuq l-internet, iktar u iktar issa wara l-qtil tal-kelb tal-Pulizija, Diesel, li nqatel ilbieraħ waqt ir-rejd fuq appartament f’Pariġi.

Mill-attakki terroristiċi ta’ Pariġi, Anonymous u għaqdiet oħra simili ddikjaraw “gwerra” fuq l-internet kontra l-Istat Iżlamiku u wasslu biex, sal-aħħar sigħat, ingħalqu 5,500 profil fuq Twitter. Anonymous ħareġ dettalji personali ta’ ħames persuni, fl-Afganistan, it-Tuniżija u s-Somalja, fosthom l-isem, l-indirizz tagħhom u n-numru tat-telefon. Qal ukoll li identifika “uffiċjal għoli” li jħajjar lin-nies jingħaqdu mal-Istat Iżlamiku u li jgħix fl-Ewropa imma s’issa għadu ma ppubblikax l-indirizz tiegħu.

Fl-aħħar messaġġ fuq l-internet, kelliem bil-maskra tipika li juża Anonymous, qal “Aħna nistgħu ngħinu u hekk se nagħmlu. Aħna nħobbu lin-nies, aħna nħobbu lilek. Inħobbu lil Diesel, lil-Lebanon, lil Pariġi. Aħna qiegħdin hawn għalik, u bħalissa dak ifisser li nagħmlu dak kollu li nistgħu kontra Daesh. Se nagħmluh, bik jew mingħajrek, imma bħal dejjem, napprezzaw l-għajnuna li nistgħu nirċievu”.

Anonymous temm il-messaġġ b’appell biex dak li jkun iżomm ruħu f’post sigur.