Lokali

Arrestati żewġ żgħażagħ wara serqa

Żewġt irġiel, wieħed ta’ 21 sena u l-ieħor ta’ 18-il sena, kienu arrestati ftit tal-ħin wara li nsterqu inqas minn €500 fi flus kontanti minn stabbiliment tal-logħob.

Is-serqa seħħet ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-9:40pm fi Triq il-Kbira, l-Mosta, meta raġel mgħammad daħal fil-ħanut u filwaqt li poġġa basket fuq il-bank, talab lill-impjegat ta’ 52 sena jtih il-flus.

Mhux eskluż li l-ħalliel kien ukoll armat u dan wara li allegatament ikkarga oġġett u hedded lill-istess impjegat li kien se jweġġgħu jekk ma jtiħx biżżejjed flus.

Madankollu, kien għall-ħabta tal-kwarta ta’ dalgħodu meta ġew identifikati u arrestati ż-żewġ suspettati mir-Rapid Intervention Unit, wara aktar stħarriġ mill-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta.

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin filwaqt li nħatru diversi esperti biex jassistu f’inkjesta maġisterjali.