Omm ta’ 55 sena minn Wales spiċċat aggredita u msawwta f’darha minn ħallelin li riedu jisirqulha tliet ġriewi tar-razza pug li jiswew 1,500 Sterlina.
Liz Swain, residenti ta’ Abergavenny, irrakkuntat li daħħlet raġel id-dar li kien qed jippoża bħala ‘xerrej tal-klieb tar-razza’ u wara li hi kienet irreklamat il-ġriewi ( li għandhom tmien ġimgħat) għall-bejgħ.
Mifhum li, imbagħad, daħlu ‘aktar irġiel’ fid-dar li kienu kompliċi tal-ewwel raġel u li tawha daqqiet ta’ ponn f’wiċċha meta hi rrifjutat li x-‘xerrej’ jieħu l-ġriewi biex jurihom lil ‘bintu’ li qal kienet qed tistennih barra fil-karozza.
Hu allegat li l-ħallelin, imbagħad, ħarbu mid-dar bil-ġriewi, bl-aħħar rapporti jgħidu li raġel ta’ 22 sena minn Nottingham spiċċa arrestat b’konnessjoni mas-serqa. Hu, issa, ingħata l-libertà proviżorja bl-investigazzjonijiet għadhom pendenti.
Liz Swain iddeskriviet l-esperjenza bħala waħda ‘terribbli’ iżda mifhum li l-awtoritajiet, issa, rnexxielhom jirritornawlha t-tliet ġriewi.
//= $special ?>