Internazzjonali

Il-kap suspettat tat-terroristi ta’ Pariġi hu fost il-maqtula fir-rejd fuq St Denis

Il-kap suspettat tal-militanti tal-ISIS li qatlu għexieren ta’ nies fir-rejds terroristiċi storiċi ta’ ġimgħa ilu, f’Pariġi, hu fost il-maqtula fir-rejd tal-pulizija fuq l-appartament fis-subborg ta’ St Denis, lejn it-Tramuntana tal-belt kapitali.

Il-katavru ta’ Abdelhamid Abaaoud instab imtertaq bit-tiri u x-xrapnel fl-appartament li spiċċa meqrud fir-rejd. Sadanittant, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Pariġi kkonferma l-qtil tat-terrorista ewlieni waqt azzjoni tal-pulizija li bdiet fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa u kompliet għal diversi sigħat.

Il-Ministru għall-Intern Franċiż Bernard Cazeneuve qal li rċieva informazzjoni sigrieta fis-sens li Abaaoud kien telaq lejn is-Sirja, is-sena l-oħra, u li l-ebda pajjiż tal-Unjoni Ewropea ma indika r-ritorn tiegħu f’dan il-kontinent.

Abdelhamid Abaaoud kien ċittadin tal-Belġju u kellu 28 sena. Il-katavru tiegħu kien identifikat mill-marki tas-swaba’.

Tmien persuni spiċċaw arrestati waqt li nqatlu mill-inqas tnejn oħra waqt ir-rejd tal-Erbgħa fuq l-appartament f’St Denis. Dan wara li l-iskwadri antiterroristiċi kkonċentraw fuq il-blokk ta’ bini speċifiku wara li rċivew tagħrif li Abaaoud kien qiegħed Pariġi.

Mara li kienet fl-appartament inkwistjoni u li kienet irrappurtata bħala l-kuġina ta’ Abaaoud, mietet fir-rejd wara li attivat qmis bl-isplussivi f’azzjoni suwiċida.
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż, sadanittant, qal li mhux ċar jekk Abaaoud spiċċax sploda lilu nnifsu waqt li kien għaddej ir-rejd tal-pulizija.

Hu mifhum li Abaaoud kien l-aktar pedina importanti fl-attakki ta’ nhar il-Ġimgħa f’diversi kwartieri ta’ Pariġi, meta mietu 129 persuna b’tiri jew kaġun ta’ splużjonijiet li wettqu grupp ta’ terroristi mal-ISIS. Fl-attakki ndarbu wkoll mijiet ta’ persunin.

L-identifikazzjoni ta’ Abaaoud tqajjem domandi serji dwar is-servizzi tas-sigurtà peress li t-terrorista kien isem prominenti f’lista ta’ persuni mfittxija minn Franza u l-Belġju. Madankollu, hu seta’ jivvjaġġa mis-Sirja lejn il-qalba ta’ Pariġi mingħajr ma jħalli traċċi.

L-investigaturi għadhom ifittxu suspettat ieħor li jismu Salah Abdeslam, li jaħsbu li ħarab lejn il-Belġju dritt wara li ħa sehem fl-attakki terroristiċi ta’ ġimgħa ilu, f’Pariġi.

Il-Pulizija fil-Belġju, kmieni nhar l-Erbgħa, wettqet rejds fi proprjetà li hi konnessa ma’ Abdeslam u suspettat terrorista ieħor li kien jismu Bilal Hadfi. L-istess Hadfi nqatel nhar il-Ġimgħa barra l-istadium Stade de France, u l-prosekuturi Belġjani qalu li, fl-aħħar sigħat, saru diversi rejds fi Brussell u l-madwar li ssarrfu f’diversi arresti.