F’din l-aħħar ġimgħa rajna jiġru ċerti avvenimenti madwarna, kemm f’pajjiżna kif ukoll ftit ‘il bogħod minna, li jġegħluk taħseb. Avvenimenti li jħalluk bla kliem, iżda fl-istess ħin ma jippermettulekx li ma tikkummentax dwarhom. Smajna bl-avvenimenti, imbagħad smajna bl-estremitajiet ta’ kif nies differenti jaraw u jindirizzaw is-sitwazzjonijiet b’modi differenti.
Id-dinja timxi bl-avvenimenti. Huma dawn l-avvenimenti li jġibu bidla fid-dinja. Iġibu bidla fin-nies, fil-mod kif jirraġunaw u jaħsbu n-nies, u bidla fir-relazzjonijiet bejn nies ta’ pajjiżi, kontinenti u reliġjonijiet differenti – avvenimenti li finalment jiddeterminaw il-futur tad-dinja u ta’ min jgħix fiha.
Elf mil ‘il bogħod
Fl-istess kontinent tagħna, fil-belt kapitali ta’ Franza, ftit iktar minn elf mil ‘il bogħod minna, Pariġi rat id-demm, rat il-vittmi tat-terroriżmu u l-biża’ f’għajnejn in-nies.
Pariġi saret iċ-ċentru tal-Ewropa – il-punt ta’ riferiment għal ħafna diskussjonijiet u l-eżempju ċar ta’ radikaliżmu estrem, egoiżmu sfrenat u redikolaġni fl-ideat. Redikolaġni għaliex tmur kontra kull loġika li wieħed joqtol f’isem reliġjon jew dak li jemmen fih.
L-iskop tat-terroristi huwa li jimponu fuq il-bqija tad-dinja dak li jidhrilhom li hu l-aħjar. Jużaw l-estremiżmu għaliex jafu li bil-konvinzjoni ċivili ma jaslux – u dan ifisser ħafna fuq l-ideoloġija ta’ dawn it-terroristi. L-ebda kawża tajba ma tista’ tintlaħaq bil-vjolenza. Biss wieħed irid joqgħod attent li fid-dagħdigħa tal-mument, fir-rabja li jġibu magħhom avvenimenti bħal dawn, it-terroristi ma jagħmluniex terroristi bħalhom.
Faċli wieħed jiġġeneralizza, jaqta’ linja u jpoġġi lil kulħadd fl-istess keffa, iżda dan ikun qed jagħmel lilna wkoll terroristi daqs dawk li l-ġimgħa li għaddiet qatlu ‘l fuq minn 100 persuna innoċenti.
Jeħtieġ l-għaqda u li l-pajjiżi li verament iridu l-paċi fid-dinja jingħaqdu. Jeħtieġ li l-aġendi ‘personali’ jingħataw il-ġenb sabiex kollettivament il-pajjiżi Ewropej u dawk li jridu verament jiġġieldu u jeqirdu t-terroriżmu jiġbdu ħabel wieħed biex b’mod preċiż u kuxjenzjuż tiġi indirizzata din il-problema li, iktar ma jmur, iktar qed tikber u kulħadd jaf li problema, aktar ma tikber, aktar ikun diffiċli li ssolviha.
Sigurtà għalina u għal uliedna
Avveniment xejn pjaċevoli ieħor kien dak li ġara f’Paceville meta ndarbu għadd ta’ żgħażagħ. Saħansitra hemm min għadu, sal-ħin li qed nikteb dan l-artiklu, fil-periklu tal-mewt.
Serata ta’ divertiment li f’ħakka t’għajn inbidlet fi traġedja. Bla dubju, inċidenti bħal dan iqajmu numru ta’ mistoqsijiet u kummenti li sfortunatament huma determinati minn din it-traġedja.
Ilhom ħafna l-ilmenti li f’Paceville qed nistennew traġedja sseħħ, u ħafna jikkummentaw li wara li sseħħ traġedja, imbagħad issir xi ħaġa. Fil-fatt, hekk ġara. Ilhom ħafna l-ilmenti li f’Paceville hemm bżonn iktar sigurtà u infurzar, bħalma ilhom ħafna l-ilmenti li l-pulizija f’Paceville m’għandomx ir-riżorsi neċessarji biex jagħmlu xogħolhom sew u jipproteġu lil dawk li jkunu fil-post.
Il-Ministru Carmelo Abela qal li se jistenna l-eżitu tal-inkjesta maġisterjali biex jintervjeni iżda hemm bżonn tgħidilna l-inkjesta maġisterjali x’inhuma l-problemi f’Paceville?
Mingħajr ma nidħol fil-mertu ta’ dan il-każ partikulari, hu evidenti li hemm bżonn ħafna aktar infurzar f’postijiet ta’ divertiment u hemm bżonn riżorsi adegwati biex dan l-infurzar isir u jsir bis-serjetà.
Nibdew billi jiġi infurzat il-limitu ta’ nies li jistgħu jkunu f’dawn il-postijiet fl-istess ħin; ninfurzaw l-età minima biex wieħed ikun jista’ jidħol f’postijiet bħal dawn; ninfurzaw il-fatt li kull stabbiliment ta’ divertiment għandu jkollu fire exit li iva, huwa sempliċement bieb, li iżda jfisser possibbiltà oħra biex wieħed joħroġ mill-post f’każ ta’ emerġenza; iżda wara kollox, hemm bżonn iktar preżenza tal-pulizija.
Jien konvint li l-pulizija jagħmlu minn kollox, u aktar, biex jassiguraw is-sigurtà taċ-ċittadini, iżda fin-nuqqas tar-riżorsi li qed ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, dawn qed ikunu limitati ħafna fix-xogħol li jistgħu jwettqu kif ukoll ipoġġu ħajjithom stess f’riskju meta jaħdmu b’nuqqas ta’ riżorsi.
Għalhekk, filwaqt li nħallu l-inkjesta maġisterjali tieħu t-terminu tagħha, il-Gvern għandu jibda jirraġuna u jindirizza problemi li ilu jaf bihom, problemi li iva, jistgħu jwasslu għal traġedji bħal dik tas-Sibt li għadda jekk ma jiġux indirizzati b’mod responsabbli u effettiv.
//= $special ?>