Futbol Sport

Il-FIFA ma tilqax l-appell ta’ Blatter u Platini

Il-Kumitat tal-Appell tal-FIFA ma laqax l-appell kemm tal-President tal-FIFA Sepp Blatter u kemm tal-President tal-UEFA Michel Platini wara li dawn kienu ġew sospiżi għal 90 jum mill-Kumitat tal-Etika tal-FIFA x-xahar li għadda.

Bħalissa dawn it-tnejn jinsabu sospiżi għal 90 jum mill-Kumitat tal-Etika tal-FIFA hekk kif għaddejja investigazzjoni għax fl-2011 Platini kien irċieva pagament mingħand Blatter għal xogħol li kien għamel hu stess bejn l-1998 u l-2002 meta kien ‘konsulent speċjali’ ta’ Blatter. Ta’ min jinnota li meta saru l-pagamenti, fl-2011, il-UEFA kienet għadha kemm ikkonfermat li kienet se tagħti l-appoġġ sħiħ lil Blatter waqt l-elezzjoni presidenzjali tal-FIFA li saret dik is-sena stess. Hu minħabba dan li Platini u Blatter qed ikunu investigati għax il-prosekuturi għandhom suspett li dan il-ħlas sar bħala ‘ringrazzjament’ mingħand Blatter lil Platini tal-appoġġ li tah fl-elezzjoni. Fi stqarrija maħruġa mill-Kumitat tal-Appelli kien hemm miktub li issa Platini u Blatter jistgħu jressqu appell quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ Sportiv (CAS). Ta’ min jinnota li s-sospensjoni ta’ 90 jum li ngħataw dawn it-tnejn tista’ tiġi estiża b’45 jum ieħor. Blatter, f’Mejju li għadda kien rielett bħala President tal-FIFA imma jiem wara hu stess kien ħabbar li se jirriżenja mill-kariga u hu għalhekk li se terġa’ ssir elezzjoni biex ikun magħżul is-suċċessur tiegħu. Platini kien wieħed mill-persuni li tefgħu l-kandidatura biex jikkontestaw l-elezzjoni imma s’issa għadu mhux konfermat bħala wieħed mill-kandidati uffiċjali. Il-Kumitat Elettorali se jerġa’ jevalwa l-kandidatura tiegħu ladarba tintemm din is-sospensjoni imma jekk din tkun estiża b’45 jum, ikun kważi impossibbli għal Platini li jikkontesta għax din tintemm sitt ijiem qabel l-elezzjoni li se ssir fis-26 ta’ Frar li ġej.

Il-ħames kandidati li s’issa ġew konfermati mill-FIFA huma l-Prinċep tal-Ġordan Ali bin al-Hussein, ix-Sheikh Salman Bin Ebrahim Al Khalifa, il-Franċiż Jerome Champagne, Tokyo Sexwale u s-Segretarju Ġenerali tal-UEFA Gianni Infantino. Infantino qal li jekk Platini jitħalla jikkontesta, jirtira l-kandidatura tiegħu minnufih.