Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tisħaq li l-attakki terroristiċi m’għandhomx jinterferixxu fir-relazzjoni ta’ Malta ma’ pajjiżi Għarab

Waqt li kkundannat bla ebda riserva, l-attakki terroristiċi li seħħew f’Pariġi nhar il-Ġimgħa, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija nsistiet li inċidenti simili m’għandhomx jinterferixxu fir-relazzjonijiet eċċellenti ta’ Malta mad-dinja Għarbija.

Il-Kamra sostniet li r-relazzjoni twila ta’ Malta ma’ pajjiżi Għarab hi xhieda ta’ ħidma twila mijiet ta’ snin, pożittiva u li tat frott fuq diversi livelli.

Il-Kamra qalet li kitbet lill-Ambaxxatriċi Franċiża f’Malta, Beatrice Le Fraper Du Hellen, lill-President tal-Moviment tal-Intrapriżi fi Franza, u lill-President tal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija f’Pariġi fejn esprimiet is-solidarjetà tagħha.

Fl-istess ħin, il-Kamra laqgħet dak li qal il-Prim Ministru fil-Parlament, li jkun ħażin jekk Malta tagħti dahra lid-dinja Għarbija u minflok, għandha tkompli tippromwovi l-kummerċ ma’ pajjiżi Għarab u mal-bqija tad-dinja.

Il-Kamra qalet li fl-aħħar sentejn tat appoġġ lil kull sforz biex iżżid il-viżibilità ta’ Malta fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq u se tkompli twassal il-messaġġ li Malta “hi miftuħa għax-xogħol”.