Lokali

Il-korruzzjoni, it-traffiku u l-immigrazzjoni l-iżjed li qed jinkwetaw lill-Maltin bħalissa

Stħarriġ juri wkoll li filwaqt li 58% tal-Maltin huma sodisfatti bil-baġit tas-sena d-dieħla, 42% mhumiex sodisfatti jew mhuma sodisfatti xejn.

Skont ir-riżultati ta’ stħarriġ li għadu kemm sar minn InsightPolls, il-korruzzjoni, it-traffiku u l-immigrazzjoni huma l-iżjed tliet affarijiet li qed jinkwetaw lill-Maltin bħalissa. Meta mqabbel ma’ stħarriġ simili li kien sar f’Ġunju li għadda, l-ambjent bħalissa jidher li mhux qed ikun ikkunsidrat bħala problema.

InsightPolls hija mmexxija minn MISCO International Limited u Corporate Identities Limited – żewġ kumpaniji b’esperjenza vasta fil-qasam ta’ stħarriġ onlajn, marketing u public affairs.

Fl-istħarriġ, li sar bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru li għadda, ħadu sehem aktar minn 500 persuna li huwa grupp rappreżentattiv tal-popolazzjoni Maltija f’termini ta’ età u sess. Dawk li pparteċipaw ingħatatilhom lista ta’ issues differenti u kienu mitluba jelenkaw l-iżjed li qed jinkwetawhom.

Il-maġġoranza, 43%, qalu li t-traffiku hu l-problema ewlenija. Dan kien segwit mill-korruzzjoni b’21% u mill-immigrazzjoni irregolari fit-tielet post b’20%. Wara, jiġu (f’din l-ordni) l-ambjent, l-edukazzjoni, il-liġi u l-ordni pubbliku, is-sitwazzjoni internazzjonali, l-ekonomija, is-saħħa u l-qgħad.

L-oqsma ekonomiċi u s-sitwazzjoni internazzjonali jidhru li mhumiex kunsidrati bħala ta’ tħassib f’dan il-mument, imma wieħed irid jikkunsidra li l-istħarriġ sar qabel il-Valletta Summit u l-attakki terroristiċi f’Pariġi.

Filwaqt li t-traffiku bħalissa hu meqjus bħala l-akbar problema – hi x’inhi l-età – persuni li għandhom taħt il-45 sena semmew l-immigrazzjoni bħala t-tieni l-akbar problema, waqt li dawk li għandhom iktar minn 45 jaraw il-korruzzjoni bħala t-tieni l-akbar problema.

Għan-nisa, l-akbar problema huma t-traffiku u l-immigrazzjoni filwaqt li għall-irġiel, wara t-traffiku, il-korruzzjoni hija t-tieni l-akbar problema.

Mistoqsija partikolari kienet fuq x’qed jinkwieta l-aktar personalment lil min wieġeb l-istħarriġ, u anke hawnhekk, l-aktar li jħasseb lill-Maltin fuq livell personali huwa t-traffiku li t-tħassib dwaru saħanistra jiżdied fuq livell personali. Imbagħad jiġu d-dħul finanzjarju u l-ambjent.

Dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ wieġbu wkoll li jħossuhom ġeneralment sodisfatti b’ħajjithom. Mistoqsijin dwar il-Baġit 2016, 58% qalu li huma sodisfatti ħafna jew mhux ħażin, filwaqt li 42% qalu li mhumiex sodisfatti jew li mhuma sodisfatti xejn.