Ħarġu ritratti li juru aspett wieħed minn fost ħafna, tal-vjolenza li seħħet fit-teatru Bataclan f’Pariġi nhar il-Ġimgħa filgħaxija.
Ir-ritratti juru lqugħ tal-Pulizija, użat f’irvellijiet, mimli toqob ta’ tiri ta’ armi tan-nar. Fih kellu 27 toqba ta’ bullets sparati direttament lejn il-Pulizija.
L-aħħar mumenti tal-assedju fis-sala tat-teatru, ħarġu hekk kif dawk li salvaw mill-attakk żvelaw li t-terroristi wiegħdu li joqtlu ostaġġ kull ħames minuti. L-estremisti bdew jużaw irġiel u nisa li kienu quddiem il-bibien jew twieqi tas-sala tal-kunċerti, bħala lqugħ uman biex warajh jistkennu hekk kif waslu l-Pulizija madwar 20 minuta wara li beda l-attakk li fih inqatlu 89 persuna.
L-ewwel pulizija li daħal fis-sala ddeskriva x-xena bħala waħda mill-“Infern” ta’ Dante hekk kif kien hemm għexieren ta’ iġsma bla ħajja minxura fl-art u kull ma kien jinstema’ kien silenzju miksur biss mill-ħoss ta’ telefons ċellulari, aktarx il-qraba li kienu qed jippruvaw jikkuntattjaw lill-għeżież tagħhom.
L-assedju mill-Pulizija dam għaddej sagħtejn. Il-Pulizija qalet li t-terroristi fetħu n-nar fuqhom huma u jiġru f’kuridur li kellu mill-inqas 12-il ostaġġ, imma ħadd mill-ostaġġi jew mill-Pulizija nqatlu. Qabel daħlu fis-sala, pulizija spara lil wieħed mill-qattiela li mbagħad sploda lilu nnifsu u tnejn oħra ħarbu jiġru t-taraġ.
Sebastien, li rnexxielu jsalva mill-attakk, u li għen ukoll mara tqila li kienet imdendla minn tieqa, qal li terrorista minnhom ordnalu jinżel mindud mal-art, wiċċu lejn l-art, hekk kif sema’ l-għajjat ta’ oħrajn aktarx huma u jiġu ttorturati.
Sebastien irrakkonta li t-terroristi qalu li kienu se jġiegħlu lil dawk fil-Bataclan, jgħaddu mill-istess affarijiet li qed jgħaddu minnhom in-nies innoċenti fis-Sirja u li riedu l-attenzjoni tal-midja biex twassal l-estremiżmu tagħhom. “Se nimmaskaraw l-innoċenti. Irridukom tgħidu dan lil kulħadd”, sostnew.
Ikkwotat mill-ġurnal Le Provence, Sebastien qal li l-irġiel riedu jkellmu lill-ġurnalisti u fl-istess ħin, ordnawlu jaħraq €50 b’sinjal li mhux marbut mal-affarijiet tad-dinja.
“Bejniethom kienu jitkellmu l-Franċiż, wieħed minnhom kien jidher Alġerin u kellu għajnejh ċelesti”.
“Riedu jitkellmu mal-Pulizija. Poġġewna kontra twieqi u jien kelli ngħajtilhom biex jibqgħu ’l bogħod. Kienu qed jgħidu li kellhom ċinturini mimlija splussiv u li jekk il-Pulizija tersaq lejhom kienu se jtajruna kollha magħhom. Ma kinux jidhru organizzati u tkellmu ma’ negozjatur permezz ta’ telefon ċellulari ta’ ostaġġ”.
Sebastien kien qed jirreferi għall-mument li fih il-Pulizija kienu diġà fis-sala u t-terroristi ngħalqu f’parti mit-teatru b’xi ostaġġi. Kien hawn li heddew li jibdew joqtlu lill-ostaġġi kull ħames minuti.
“Dan kien l-itwal ħin ta’ ħajti”, kompla Sebastien, “għaddejt minn kull emozzjoni fosthom tama, imma fl-aħħar aċċettajt il-mewt anke jekk għalaqt għajnejja biex ma narax il-Kalashnikov ippuntat lejja. It-terroristi poġġew żewġ persuni mal-bibien biex f’każ li l-forzi tas-sigurtà jisparaw, isibu lilhom, imma rnexxielhom jidħlu b’forza mingħajr ma messewhom. Xħin rajt granata tal-id taqa’ ħdejn saqajja, ħsibt li dak kien il-mument biex naħrab. Splodiet u jien intremejt taħt strumenti tal-forzi tas-sigurtà. Għaddew minn fuqi imma dik kienet l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti. Salvajt”.
Uffiċjali tal-Pulizija li daħlu fil-Bataclan iddeskrivew l-assedju ta’ sagħtejn, li spiċċa bi sparar kontinwu bejn in-naħat għal tliet minuti. Kif pulizija tefgħu l-granati tal-id, terrorista sploda lilu nnifsu u ieħor inqatel.
//= $special ?>