Terġa’ tappella lill-Gvern ifittex lill-persuni kollha b’diżabilità li kapaċi jaħdmu u jagħtihom impjieg dinjituż bħalma għamel mal-eluf li daħħal mal-Gvern b’salarji qawwija
Id-Deputata Marlene Farrugia talbet lill-Gvern jiċċara l-pożizzjoni tiegħu fid-dawl ta’ dak li qed jiġi diskuss fil-pajjiż b’rabta mal-Att li jipproteġi l-embrijun. Wissiet li d-dibattitu u l-eżerċizzju tal-Gvern fl-Abbozz dwar l-Opportunitajiet Indaqsa, partikolarment fil-konfront ta’ nies b’diżabilità, jirrendi kollu fażull jekk l-ewwel ma nħarsux id-dritt fundamentali tal-ħajja.
Saħqet ukoll li d-drittijiet l-oħrajn sussegwenti, jiġu biss jekk il-bniedem jgħix. Staqsiet lill-Gvern kif se jassigura, u jserraħ ras il-poplu li dan l-Abbozz dwar l-Opportunitajiet Indaqs li qed jiġi diskuss fil-Parlament, mhux qed isir għalxejn. Saħqet li d-drittijiiet umani jibdew mill-konċepiment ukoll.
Marlene Farrugia fissret li soċjetà b’saħħitha tiddependi minn skont kemm tkun imħarsa s-soċetà vulnerabbli, fosthom dawk b’diżabilità.
Irrimarkat ukoll, u fakkret, fi kliem il-Papa Ġwani Pawlu II li kien ta l-verżjoni tiegħu meta qal li soċjetà tiġi ġġudikata meta wieħed iqis kif jiġu trattati wkoll dawk li għadhom ma twildux, u dawk li wasslu lejn tmiem il-ħajja tagħhom.
Fl-intervent tagħha fil-Parlament l-għada li rriżenjat mill-Grupp Parlamentari Laburista iżda żammet is-siġġu fil-Parlament bħala deputat indipendenti, Marlene Farrugia fissret ukoll li waqt li għandna nkomplu nħarsu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, inħarsu wkoll id-drittijiet ta’ min qed jieħu r-responsabbiltà li jieħu ħsieb lil dawk vulnerabbli.
Bħalma appellat ukoll fil-Liġi li se twaqqaf l-Awtorità dwar l-Ambjent, f’liema liġi vvuttat mal-Oppożizzjon fuq żewġ emendi importanti fil-mod kif jinħatru l-membri tal-Awtorità, f’din il-liġi wkoll Marlene Farrugia appellat biex ikunu l-assoċjazzjonijiet u l-NGOs li jaħtru lil min jirrappreżentahom fil-bordijiet u ma jkunux il-Ministru jew il-Prim Ministru.
Saħqet li jekk għandna fiduċja fl-NGOs, irridu nagħtuhom is-saħħa lil min jagħżlu huma biex jirrappreżentahom fil-bordijiet u awtoritajiet.
Appellat ukoll biex nibqgħu rikonoxxenti u nibqgħu nappoġġjaw il-ħidma li minn dejjem tat il-Knisja lil persuni b’diżabilità.
Reġgħet irrepetiet l-appell li li kienet diġà għamlet lill-Gvern, biex bħalma sab impjieg għall-eluf li ddaħħlu mal-Gvern b’salarji li bihom jistgħu jiġu impjegati tlieta jew erba’ persuni b’diżabilità, ifittex hu lill-persuni b’diżabilità li kapaċi jaħdmu, u jagħtihom impjieg dinjituż.