Lokali

Muscat għandu jżomm lil Marlene Farrugia fit-tmexxija tal-Kumitat tal-Ambjent

Jeħtieġ li l-Prim Ministru Joseph Muscat iżomm lid-deputat Marlene Farrugia bħala chairperson tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent. Dan sostnih illum l-editur ta’ The Malta Independent fil-kummentarju tiegħu f’paġna 9.

L-editur jgħid illi l-mod kif imxiet Marlene Farrugia din il-ġimgħa wera li hi konvinta li qed tagħmel it-tajjeb u li hija korretta moralment. Iżda r-riżenja tagħha mill-Partit Laburista tfisser li l-Gvern tilef il-vuċi ambjentali tiegħu.

Il-Kumitat Ambjentali huwa magħmul minn ħames membri – tlieta mill-Gvern u tnejn mill-Oppożizzjoni. Sar-riżenja ta’ Farrugia, il-Kumitat kien immexxi minnha bħala chairperson minn naħa tal-Gvern. Iżda kif ħabbret hi stess, ir-riżenja mill-PL kellha twassalha biex tirriżenja wkoll mill-Kumitat Ambjentali propju għaliex is-siġġu tagħha m’għadux man-naħa tal-Gvern.

“Deputat indipendenti li jmexxi il-Kumitat Ambjentali żġur li ma jkollux motivazzjoni partiġjana. Jekk il-Prim Ministru jerġa’ jpoġġi lil Marlene bħala chairperson, din tkun mossa ideali”, jsostni l-editorjal.