Missier ta’ tifel ta’ 17-il xahar kiteb ittra li fiha saħaq li mhux se jbaxxi rasu għat-terrur tal-Istat Iżlamiku imma se jisfidahom b’mod ieħor.
Antoine Leiris, li martu nqatlet fil-massakru fil-Bataclan nhar il-Ġimgħa, kiteb ittra ta’ sfida lill-qattiela tagħha u sostna li mhux se jkollhom is-sodisfazzjon tal-mibgħeda tiegħu.
Minflok, kiteb,“kull ġurnata ta’ ħajtu, dan it-tifel żgħir se jinsulentakom bil-ferħ tiegħu u bil-libertà tiegħu, għax mhux se jkollkom lanqas il-mibgħeda tiegħu”.
Ir-raġel, imkisser bil-qtil ta’ martu, kiteb eloġju għas-sbuħija tagħha u tella’ messaġġ twil fuq Facebook.
Lill-qattiela ta’ martu qalilhom li “Nhar il-Ġimgħa filgħaxija, sraqtu l-ħajja ta’ persuna eċċezzjonali, l-imħabba ta’ ħajti, omm ibni, imma mhux se jkollhom il-mibgħeda tiegħi.
“kull ġurnata ta’ ħajtu, dan it-tifel żgħir se jinsulentakom bil-ferħ tiegħu u bil-libertà tiegħu, għax mhux se jkollkom lanqas il-mibgħeda tiegħu”
Ma nafx min intom u ma rridx inkun naf, intom irwieħ mejta.
Jekk Alla li għalih intom toqtlu b’mod għami, għamilna immaġni tiegħu, kull tir li daħal f’ġisem marti kien ikun ferita f’qalbu.
Għalhekk m’inix se ntikom ir-rigal li nobgħodkom. Ovvjament intom qed tfittxu dan imma li nwieġeb lura l-mibgħeda b’rabja nkun qed naqa’ fl-istess injoranza li għamlitkom dak li intom.
Intom triduni nkun beżgħan, li ma nafdax liċ-ċittadini l-oħra f’pajjiżi, li nissagrifika l-libertà tiegħi għas-sigurtà. Qed titilfu. Erġgħu ppruvaw”.
Antoine Leiris kiteb dan wara li t-Tnejn ra l-ġisem ta’ martu. Fil-messaġġ tiegħu kompla hekk:
“Rajtha dalgħodu. Fl-aħħar, wara ljieli u jiem nistenna. Kienet sabiħa daqs meta ħarġet nhar il-Ġimgħa filgħaxija, sabiħa daqs dakinhar li ltqajt magħha u ġġennint warajha iktar minn 12-il sena ilu.
U żgur li jien imkisser bin-niket, se ntikom dik biss bħala rebħa żgħira, imma dan in-niket mhux se jdum. Naf li hi se tingħaqad magħna kull jum u li se nerġgħu nsibu lil xulxin f’ġenna ta’ rwieħ ħielsa li intom qatt mhu se jkollkom aċċess għaliha”.
Kompla jgħid li hu u ibnu għandhom “iktar saħħa mill-armati kollha tad-dinja”.
Temm il-messaġġ tiegħu billi qal “F’kull każ, m’għandix iktar ħin x’naħli fuqkom. Irrid immur lura ħdejn Melvil, li qed iqum mir-raqda tiegħu ta’ waranofsinhar. Għad għandu 17-il xahar; se jiekol xi ħaġa bħalma jagħmel kuljum, imbagħad se mmorru nilgħabu kif nagħmlu kuljum; u kull ġurnata ta’ ħajjet dan it-tifel żgħir se tinsulentakom bil-ferħ u l-libertà, għax m’għandkomx lanqas il-mibgħeda tiegħu”.
It-teatru Bataclan kien mimli b’dilettanti tal-mużika li kienu qed isegwu kunċert mill-band Amerikana Eagles of Death Metal, li kienet fuq il-palk. Meta daħlu l-irġiel armati, bdew jisparaw fuq il-folla u qatlu 89 persuna u ferew iktar minn 100 oħra. Tlieta mill-irġiel splodew lilhom infushom u r-raba’ wieħed intlaqat mill-pulizija li daħlu fil-bini wara l-attakk.
//= $special ?>