Marlene Farrugia qalet li hi grata lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni u lesta tieħu f’idejha t-tmexxija tal-Kumitat bl-appoġġ tal-ENGOs
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil se jkun qed jinnomina lid-Deputata, issa Indipendenti, Marlene Farrugia, biex tibqa’ tmexxi fil-kariga ta’ Chairperson il-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp.
Fi tweet, Simon Busuttil qal li llum se jkun qed iressaq din in-nomina f’isem l-Oppożizzjoni.
It-Tlieta li għadda, Marlene Farrugia rriżenjat mill-Partit Laburista, mill-Grupp Parlamentari Laburista u minn Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp wara li vvutat mal-Oppożizzjoni u kontra l-Gvern fuq żewġ Emendi mressqa mill-Oppożizzjoni fil-Parlament dwar it-twaqqif tal-Awtorità dwar l-Ambjent.
Il-Vot ta’ Marlene Farrugia favur Emendi tal-Oppożizzjoni seħħ wara li l-Gvern ta’ Joseph Muscat reġa’ mar kontra dak li kien wiegħed fil-Manifest Elettorali tiegħu stess.
F’reazzjoni għal din in-nomina, Marlene Farrugia qalet li hi grata lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni għan-nomina tagħha, iżda rrimarkat li din in-nomina trid tkun appoġġjata mill-għaqdiet ambjentali mhux governativi, l-ENGOs, u ta’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-ambjent.
Iddikjarat li hi lesta terġa’ tieħu t-tmexxija tal-Kumitata Parlamentari f’idejha biex tkompli tqajjem il-kuxjenza u ssaħħaħ il-parteċipazzjoni u l-vuċi tas-soċjetà fid-deċiżjonijiet marbuta mal-ambjent u l-ippjanar.
Il-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp hu ffurmat minn ħames membri – tlieta mill-Gvern li wieħed minnhom ikun iċ-Chairperson tal-Kumitat, u żewġ membri oħra tal-Oppożizzjoni.
Wara n-nomina tal-Kap tal-Oppożizzjoni favur li Marlene Farrugia terġa’ tinħatar biex tmexxi l-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, il-Front Ħarsien ODZ appella lill-Prim Ministru biex jerġa’ jaħtar lil Marlene Farrugia bħala Chairperson tal-Kumitat Parlamentari.
//= $special ?>