L-awtoritajiet fl-Italja qegħdin ifittxu ħames persuni suspettati bħala terroristi wara li waslitilhom informazzjoni dwar ‘attakki potenzjali’ fuq siti storiċi u magħrufa, li jinkludu l-Katidral ta’ San Pietru fil-Vatikan u t-Teatru La Scala f’Milan.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Taljan, Paolo Gentiloni, qal li l-qawwiet tas-sigurtà Taljani ilhom minn nhar l-Erbgħa jfittxu hekk kif wieġbu mill-ewwel għall-informazzjoni li ngħataw mill-Federal Bureau of Investigation (FBI) tal-Istati Uniti.
Gentiloni spjega li l-pajjiż hu konxju mill-possibbiltà li l-Katidral ta’ San Pietru, flimkien mad-Duomo u La Scala ta’ Milan jispiċċaw fil-mira tat-terroriżmu.
Hu kompla li l-Ministru għall-Intern spjega diversi drabi li l-Italja qed issegwi livell għoli ħafna ta’ allert fir-rigward tas-siti u ċ-ċentri simboliċi, kif ukoll għaz-zoni pubbliċi fejn in-nies jiltaqgħu, li jvarjaw minn stadji sa katidrali.
It-twissija tgħodd partikolarment għall-Katidral ta’ San Pietru li kien fost is-siti indikati mill-FBI.
Il-Ministru Gentiloni għamilha ċara wkoll li t-Taljani dejjem jieħdu s-sinjali ta’ allarm bl-akbar serjetà, speċjalment jekk jingħataw mill-Istati Uniti.
Tfittxija kbira fl-Italja għal ħames terroristi suspettati


