Fl-aħħar aħbarjiet: Fi stqarrija il-Ministru Carmelo Abela qal li se jitlob lill-Bord tal-Pulizija jinvestiga l-iżball dwar akkużi li bih inħeles traffikant tad-droga.
Fid-dawl ta’ deċiżjoni tal-Qorti li wasslet biex raġel ta’ 22 sena nħeles mill-ħabs minħabba żball minn spettur tal-pulizija fl-att ta’ akkuża dwar traffikar ta’ droga ecstasy, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, se jitlob lill-Bord tal-Pulizija, immexxi mill-Imħallef Francesco Depasquale, biex jinvestiga dan il-każ.
Qabel: Wara li rriżulta li kien hemm żball fl-akkuża, żagħżugħ ta’ 22 sena, li kien ikkundannat tliet snin ħabs wara li kien ammetta li ttraffika d-droga ecstacy, ġie illiberat mill-Qorti tal-Appell.
Irriżulta li l-iżball kien fid-data ta’ meta seħħ il-każ. Dan għaliex filwaqt mill-investigazzjoni tal-Pulizija kienet tikkonċerna t-8 u d-9 ta’ Settembru tas-sena 2013, fl-akkuża kien intqal li dan ir-reat twettaq bejn it-8 u d-9 ta’ Awwissu tal-2013.
Andre Falzon, meta kien ġie arrestat, kien ta stqarrija lill-Pulizija fejn kien qal li saret tfittxija fuqu, fejn instabu 57 pillola ecstacy. Falzon kien qal li dawn il-pilloli kienu fuqu biex ibiegħhom. Fil-pussess tiegħu rriżulta li instabet ukoll borża żgħira bi traċċi suspettużi. Huwa hawnhekk ammetta mal-Pulizija li din kienet droga tal-kannabis, peress li hu kien ippejjep il-ħaxixa.
Meta tressaq quddiem l-Ewwel Qorti, Falzon kien assistit minn Avukat tal-Għajnuna Legali, fejn ammetta li ttraffika d-droga ecstacy, li assoċja ruħu ma’ peruni biex ibiegħ jew jitraffika l-istess droga, li kellu fil-pussess tiegħu l-pjanta ta-kannabis u li kkommeta dawn ir-reati f’distanza ta’ mitt metru ‘l bogħod mill-parametru ta’ skola.
Falzon kien immultat is-somma ta’ €1,000, apparti t-tliet snin priġunerija.
Fl-Appell li ressaq minn din is-sentenza, Falzon argumenta li d-data fl-akkuża kienet ħażina.
L-ammissjoni rreġistrata waqt is-smiegħ qalu li huwa ma għandux jinstab ħati tal-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu. Biex tiddeċiedi dwar dan, il-Qorti tal-Appell Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Edwina Grima ħadet inkonsiderazzjoni l-istqarrija tal-imputat.
L-Imħallef qalet li minn dawn il-fatti jemerġu li l-ammissjoni ta’ Falzon hija konflinġenti mal-provi l-oħrajn li kien hemm fl-atti, dan għaliex fl-istqarrija maħruġa jidher ċar li huwa wettaq dawn ir-reati mhux f’Awwissu imma f’Settembru.
Falzon ammetta għall-fatti li ma kienux ġew kommessi minnu għal tal-anqas mhux fid-data indikata fl-akkuża, iżda xahar wara. L-Imaħallef saħqet li f’dan il-każ, l-appellant għandu raġun, il-Qorti qalet li ma tistax tagħlaq għajnejha għal dan in-nuqqas proċedurali daqs li kieku ma kienx jeżisti. Qieset ukoll il-fatt li l-Prosekuzzjoni naqset milli tinduna b’dan l-iżball u tirratifikah fis-suppost ħin.
Għalhekk il-Qorti kellha tbiddel is-sentenza tal-Ewwel Qorti u illiberat lil Falzon minn kull ħtija.
Għal Falzon deheru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Amadeus Cachia.
//= $special ?>