Lokali Parlament

Ibdel il-liġi bħalma nbidlet biex deputati Laburisti nħatru Chairpersons ta’ awtoritajiet tal-Gvern

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil stieden lill-Gvern jibdel il-liġi biex issir il-ħatra ta’ Marlene Farrugia bħala Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp u sostna li fejn ried il-Gvern biddel il-liġijiet biex innomina u ħatar deputati tal-Gvern Chairpersons ta’ entitajiet, awtoritajiett u aġenziji tal-Gvern – ħaġa li qatt ma saret qabel.

Simon Busuttil għamel dan l-appell u dawn ir-rimarki fid-dibattitu li kompla għaddej fil-Parlament dwar it-twaqqif tal-Awtorità dwar l-Ambjent, f’seduta li fiha d-deputat indipendneti Marlene Farrugia reġgħet ivvutat favur emenda tal-Oppożizzjoni u kontra l-Gvern li issa mhix aktar parti minnu.

Simon Busuttil spjega li l-Oppożizzjoni qed tipproponi li Marlene Frarugia tibqa’ tmexxi l-Kumitat għall-Ambjent u l-Ippjanar iżda l-Gvern qed jibqa’ jinsisti li l-kumitat ikun kompost minn tliet membri tal-Gvern u tnejn tal-Oppożizzjoni.

“Aħna ma naqblux għaliex f’din il-Kamra bi qbil jista’ jsir kollox”, sostna Simon Busuttil, li kompla li anki jekk jingħad li l-Gvern għandu raġun, il-Gvern għandu opportunità biex jibdel il-liġi.

Stieden lill-Ministru jibdel il-liġi biex issir il-ħatra skont il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.

Simon Busuttil qal li fejn irid, il-Gvern biddel il-liġi biex jinnomina membri parlamentari f’entitajiet. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern jista’ jiddikjara li lest ibiddel il-liġi.

Il-Ministru Brincat qal li l-pożizzjoni tal-Gvern taqbel mal-pożizzjoni li diġà esprima l-Prim Ministru aktar kmieni. Hu qal li Marlene Frarugia rriżenjat mill-Partit Laburista u anki minn Chairman tal-Kumitat. Hu qal li r-regoli bażiċi huma li l-Gvern ikollu l-maġġoranza fil-Kumitat u sostna li jekk l-Oppożizzjoni taqbel, tista’ tnaqqas membru minn tagħha beix tidħol Marlene Farrugia.

Marlene Farrugia wieġbet li hi ma tixtiqx tokkupa siġġu tal-Oppożizzjoni għaliex hi deputat indipendenti. Hi talbet lill-NGOs jagħtu l-opinjoni tagħha u kien hemm approvazzjoni għall-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru għandu jwieġeb jekk jista’ jew jekk ma jridx għaliex il-gvern jista’ jbiddel il-liġi.
Dan hu kumitat sensittiv, sostna Simon Busuttil, li qal li l-proposta tal-Oppożizzjoni hi ntiża biex titkabbar it-trasparenza. Hu qal li diġà hemm Kumitat li jitmexxa minn deputat tal-Oppożizzjoni; il-Kumtat dwar il-Kontijiet Pubbliċi.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-pożizzjoni tal-Gvern hi li l-Kumitat għall-Ambjent ikun immexxi minn Deputat tal-Gvern.
Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern għandu jikkunsidra li l-Kumitat ikun iktar jaspira kontabbiltà billi jkun immexxi minn deputat indipendenti.

Id-Deputat Laburista Deborah Schembri qalet li l-Oppożizzjoni qed titlob biex tinbidel il-liġi biex tkun akkomodata sitwazzjoni partikolari. Il-liġijiet għandhom jinbidlu għal kulħadd, sostniet Deborah Schembri.

Il-Gvern ma jridx isaħħaħ id-demokrazija u t-trasparenza
Id-Deputat Marlene Farrugia wieġbet li l-Parlament għandu jibdel il-liġijiet biex jirriflettu r-realtà tas-soċjetà u spjegat li l-presidenza tal-Kumitat għall-Ambjent jirrikjedi ħafna xogħol.

Hi sostniet li l-Gvern għandu jispeċifika x’qed iżommu milli jappunta chairman indipendenti, u għaliex il-gvern irid iżomm kontroll. Dan qed juri li l-Gvern ma jridx isaħħaħ id-demokrazija u t-trasparenza.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ressaq proposta li l-Gvern jikkunsidra li l-Gvern iżid il-membri għal sebgħa biex il-Gvern ikollu erba’ membri u jiżgura l-maġġoranza, u l-Oppożizzjoni jkollha tliet membri, inkluż membri indipendenti li minnhom persuna tkun il-president. Dan fuq l-istess mudell tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi.