Lokali

Id-differenza bejn il-politika distruttiva ta’ Muscat u l-politika responsabbli ta’ Simon Busuttil

Wara l-każ tat-traffikar tad-droga, fejn żagħżugħ ġie meħlus mill-Ħabs minħabba żball fid-data tal-akkuża, u li minħabba f’hekk iż-żagħżugħ ġie lliberat minkejja li ammetta l-akkuża, Muscat se jkun qed juża’ l-istess riga li uża’ fi żmien Gvern Nazzjonalista fl-2012?

Hekk staqsa l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija ffirmata mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami u mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, wara d-deċiżjoni tal-bieraħ meħuda fil-Qorti dwar dan il-każ.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar f’każ simili li seħħ fl-2012, li kien waqa’ minħabba żball mill-Pulizija fid-data fl-akkuża. Dakinhar, bħala Kap tal-Oppożizzjoni, Joseph Muscat kien qajjem kjass sħiħ dwar dak il-każ u saħansitra talab għar-riżenja tal-Ministru għall-Intern.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista staqsa jekk Muscat hux se juża’ l-istess riga u jitlob għar-riżenja tal-Ministru tal-Intern. Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista qal li mhux se jaqa’ fil-livell baxx tal-politika ta’ Muscat.

Il-Partit Nazzjonalista qal li hu importanti li tingħata spjegazzjoni pubblika ta’ x’wassal għal dan l-iżball, li sfortunatament ikompli jtellef il-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi fil-Korp tal-Pulizija.