Kurżitajiet

Ifixklu l-Al Qaeda ma’ Star Wars

Ġurnalist Spanjol ħaseb li logo ta’ Star Wars kien dak tal-grupp terroristiku Al Qaeda. Waqt xandira diretta nhar it-Tnejn filgħodu dwar il-belt ta’ Raqqa u r-rabta bejn l-ISIS u l-Al Qaeda, fuq l-iskrin tela’ l-logo ta’ Rebel Alliance minn Star Wars u l-ġurnalist ħaseb li kien tat-terroristi.

Iktar tard, talab apoloġija għall-iżball tiegħu u ttama li ma offenda lil ħadd.

Il-logo muri fuq l-iskrin kien ta’ dawk li, fil-film, jiġġieldu kontra l-Imperu, b’Jedi Luke Skywalker, Han Solo u l-prinċipessa Leila kollha jiffurmaw parti minn din l-alleanza.

Minkejja l-apoloġija tiegħu, kien hemm min wera simpatija mal-ġurnalist waqt li oħrajn għaddewh biż-żmien. Skont xi wħud, fl-istazzjon televiżiv seta’ kien hemm konfużjoni meta ħawdu l-logo ta’ kumpaniji tad-diski ‘Alqaeda Inc’ li wkoll tuża l-logo ta’ Star Wars.