Lokali

Il-FOIPN ifakkar il-Jum Dinji tat-Tfal

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal, il-Forum Opportunitajiet Indaqs fi ħdan il-Partit Nazzjonalista (FOIPN) fakkar fir-realtà kiefra ta’ tfal li qed ibatu min-nuqqas ta’ bżonnijiet bażiċi għal ħajja diċenti. Fi stqarrija, l-FOIPN qal li meta niftakru li madwar id-dinja, kull 10 sekondi, tifel jew tifla jmutu bil-ġuħ, wieħed jifhem li l-ġlieda għall-ħarsien tat-tfal għandha tkun waħda kontinwa u persistenti.

Il-Forum kompla li b’xorti tajba, ir-realtà f’pajjiżna hi waħda ferm aktar ħanina, għalkemm għad hemm bżonn ta’ aktar għarfien dwar id-drittijiet tat-tfal. Fakkar li l-ħajja moderna ġabet magħha sfidi ġodda li jistgħu jwasslu biex id-drittijiet tat-tfal jiġu mittiefsa, kif ukoll li t-tfal għandhom dritt għal bilanċ san bejn l-istudju u ħin liberu, għal ambjent naturali, li jiddevertu b’mod li jkun addattat għall-età tagħhom, li jirrekrejaw ruħhom f’postijiet li jkunu sikuri, għal ikel bnin u eżerċizzju fiżiku, u anke li l-innoċenza tagħhom ma tiġix misruqa mill-kumpaniji kummerċjali.

Fil-jum dinji tat-tfal, l-FOIPN awgura lit-tfal kollha ta’ Malta l-isbaħ xewqat u li jgawdu bl-aħjar mod possibbli t-tfulija tagħhom. Il-Forum tenna l-impenn tiegħu li jaħdem bi sħiħ biex id-drittijiet tat-tfal f’pajjiżna jkunu mħarsa u anke biex tiġi mfassla politika li tħares il-ġid tat-tfal.