L-aħħar dikjarazzjonijiet tal-Ministru Konrad Mizzi, waqt il-programm Dissett, dwar il-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech, wasslu għal aktar mistoqsijiet u dubji milli tweġibiet.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, f’isem ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, li fakkar kif wara xhur jgħid li ma jridx jippubblika l-kuntratt li ffirma hu stess ma’ Vitalis Global Healthcare, Konrad Mizzi issa biddel id-diska u qal li l-kuntratt għadu ma ġiex iffirmat. Madankollu, fl-istess programm ammetta li hemm xi ħaġa ffirmata u li “jrid jiċċekja” jistax jippubblikaha jew le.
Il-Partit Nazzjonalista appella lil Joseph Muscat u lil Konrad Mizzi biex jirrealizzaw li f’dan il-każ mhux qed jitkellmu dwar Power Station li ma saritx fil-ħin, iżda dwar il-kura u s-saħħa tal-poplu, kif ukoll ix-xogħol u l-karrieri ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin.
Għall-Partit Nazzjonalista, Konrad Mizzi għandu jkun ċar ukoll jekk il-proċess ta’ privatizzazzjoni hux se jinfirex ukoll għall-Isptar Mater Dei, kif ukoll x’impatt se jħalli fuq it-Tobba u l-studenti fl-Università ta’ Malta. Dan għaliex nofs dikjarazzjonijiet u u-turn wara l-oħra qed joħolqu ħafna aktar dubji milli serħan il-moħħ, qal il-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-esperjenza diġà uriet li dak li jagħmel Konrad Mizzi mhu xejn għajr tradiment, bħalma tradixxa lill-poplu Malti u Għawdxi meta wiegħedhom li se jibnilhom Power Station fi żmien sentejn u meta tradixxa lill-ħaddiema tal-Enemalta meta wiegħedhom li l-Enemalta mhux se tiġi privatizzata iżda għamel kompletament bil-kontra.
Il-familji Maltin u Għawdxin m’għandhom l-ebda garanzija li mhux se jiġri l-istess fis-settur tas-Saħħa, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>