Lokali

Il-GWU ċċedi l-armi u tħalli lill-ħaddiema tal-MPT mingħajr union

“Il-GWU ċediet l-armi u issa l-ħaddiema tal-Malta Public Transport (MPT) m’għandhomx union tirrappreżentahom”. Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin Josef Vella f’kumment lil Radio 101.

Vella kien qed jirreferi għad-deċiżjoni tat-tmexxija tal-GWU li ma tibqax tirrappreżenta lill-ħaddiema tal-MPT. Dan minkejja li l-proċess ta’ rikonoxximent għadu ma sarx. Għaldaqstant, sakemm isir dan il-proċess, il-ħaddiema tal-MPT m’għandhomx union li tirrappreżentahom.

Filwaqt li sostna li l-ħaddiema jinsabu f’vacuum, Josef Vella qal li l-UĦM ippretendiet li l-GWU tibqa’ tirrappreżenta lill-ħaddiema sakemm isir il-proċess. Għaldaqstant, hu appella lit-tmexxija tal-MPT biex tħaffef il-proċess għall-għażla.

Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM qal li l-Union qed tistenna li fil-laqgħa li jmiss mal-Management tal-kumpanija, bħal-lum ġimgħa, din il-kwistjoni tiġi riżolta. Jekk dan ma jsirx, il-UĦM lesta tippreżenta azzjonijiet industrijali fil-konfront tal-MPT.

Josef Vella qal li “l-ħaddiema ma jridux il-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda, iżda li jkollhom il-union li jixtiequ tirrappreżentahom”.