Il-Gvern talab lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-ħruġ ta’ visas lil persuni Alġerini bejn Marzu 2014 u Settembru 2015.
Madankollu l-Gvern talab li din l-investigazzjoni għandha ssir fil-qafas legali tal-Artikolu 108 tal-Kostituzzjoni Maltija u ta’ Kap 396 tal-Liġijiet ta’ Malta dwar l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u għaldaqstant irrestrinġa din l-investigazzjoni.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li dan huwa konferma ta’ kemm Joseph Muscat għandu x’jaħbi fl-iskandlu tal-visas lill-Alġerini u sejjaħ bħala bluff id-dikjarazzjoni ta’ Joseph Muscat li qal li laqa’ t-talba tal-Oppożizzjoni għal din l-investigazzjoni.
“L-aġir tal-Gvern illum imur kontra t-trasparenza u l-konatbilità li Muscat tant ippriedka dwarhom qabel l-elezzjoni. Mhux ta’ b’xejn li l-moviment ta’ Muscat qed ikompli jixxaqqaq” saħaq il-Partit Nazzjonalista.
Kienet l-Oppożizzjoni li talbet lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-ħruġ ta’ 7,000 visa maħruġa lill-Alġerini f’sena u nofs. F’ittra mibgħuta lill-Awditur Ġenerali l-Oppożizzjoni talbet li, quddiem l-iskiet itarrax tal-Gvern, l-Uffiċċju tal-Awditur għandu jinvestiga l-mod kif inħarġu dawn il-visas partikolarment fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni li kien hemm fl-aħbarijiet.
//= $special ?>