Internazzjonali

Jirkupraw it-tielet katavru mill-appartament ta’ Saint Denis

L-awtoritajiet fi Franza qalu li rkupraw it-tielet katavru mill-appartament fis-subborg ta’ Pariġi fejn il-qawwiet tas-sigurtà Franċiżi, nhar l-Erbgħa, wettqu rejd fuq dawk li kienu suspettati bħala terroristi.

Il-Prosekuturi kkonfermaw li l-katavru elevat mis-subborg ta’ Saint Denis hu ta’ mara, Hasna Aitboulahcen, ta’ 26 sena, li nstabet waqt it-tfittxija li segwiet ir-rejd inkwistjoni.

Aitboulahcen hi rrappurtata bħala l-kuġina ta’ Abdelhamid Abaaoud, li hu suspettat bħala l-kap tat-terroristi li ġimgħa ilu ħallew dmija u straġi sħiħa fiċ-ċentru ta’ Pariġi. Ingħad ukoll li l-passaport ta’ Aitboulahcen instab qrib il-fdalijiet tagħha.

Abdelhamid Abaaoud kien spiċċa maqtul fir-rejd tal-qawwiet tas-sigurtà fuq l-appartament waqt li xi rapporti qalu li l-kuġina tiegħu spiċċat tisplodi lilha nfisha bl-isplussivi.

It-terroristi tal-ISIS assumew responsabbiltà għall-attakki kważi simultanji ta’ ġimgħa ilu fuq il-bars, ristoranti, sala tal-kunċerti u stadium ta’ Pariġi li ħallew 129 mejta u mijiet midruba.

Sadanittant, il-prosekuturi kkonfermaw l-identitajiet ta’ tnejn minn fost it-tliet suspettati li mietu fir-rejd ta’ nhar l-Erbgħa fuq l-appartament fl-inħawi ta’ Rue Cormillon li kien dam għaddej seba’ sigħat.