Marlene Farrugia tikkritika wkoll li dan hu Gvern li qed jitmexxa u mhux imexxi
Id-Deputat Marlene Farrugia sejħet lil dawk li ħarġu l-istqarrija f’isem il-Gvern bi tweġiba għan-nomina tagħha tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex tkompli tmexxi l-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent, bħala “kukkanja li tmexxi lil dan il-Gvern li trid tieħu dak li trid”. Il-kukkanja li ħarġet mill-ewwel bi stqarrija tgħid li l-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni mhix possibbli.
Din kienet dikjarazzjoni oħra f’dibattitu ta’ botti u risposti fil-Parlament illejla bejn id-Deputata Marlene Farrugia u membri tal-Gvern li ddefendew bis-saħħa l-pożizzjoni u d-dikjarazjzoni tal-Prim Ministru li ddikjara li ċ-Chairperson ta’ dan il-Kumitat għandu jkun membru tal-Gvern.
X’inhi din ir-reżistenza kollha?
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo staqsa x’inhi din ir-reżistenza kollha biex isiru dawk il-bidliet fil-liġi.
Marlene Farrugia sejħet bħala inkejja l-proposta li persuna li tirrappreżenta lill-NGOs tintagħżel mill-NGOs infushom filwaqt li t-tnejn l-oħra jintgħażlu mill-Gvern.
Id-Deputat Marlene Farrugia qalet li dan huwa “Gvern li qed jitmexxa u mhux imexxi”. Fakkret li l-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent rari kien jiltaqa’ u llum sar wieħed mill-iktar fora importanti fejn ikunu diskussi materji importanti b’rabta mal-ambjent u l-iżvilupp.
L-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq emenda biex tinbidel il-liġi
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li minħabba li l-Gvern qed jgħid li dawn il-bidliet mhumiex possibbli minħabba li jinħtieġu bidla fil-liġi, l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq emenda biex tinbidel il-liġi.
Il-Gvern irid kontroll assolut tal-awtorità għall-ambjent
Meta tkompliet id-diskussjoni dwar aktar klawsoli fl-Abbozz ta’ Liġi dwar it-twaqqif tal-Awtorità dwar l-Ambjent, ix-Shadow Minister Marthese Portelli saħqet li minn kif sejjer id-dibattitu Parlamentari, għandha dubju kemm l-NGOs ambjentali se jkollhom vuċi minħabba li l-Gvern irid li jkollu kontroll assolut tal-awtorità għall-ambjent.