Is-seduta sospiża biex jittieħed vot dwar in-numru ta’ membri fil-Bord tal-Awtorità dwar l-Ambjent li jirrappreżentaw lill-ENGOs …Marlene Farrugia titlob lill-Partit Laburista jinġabar mal-elettorat
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil insista fil-Parlament u appella lill-Gvern li fuq bord ta’ awtorità waħda għall-ambjent m’għandux ikollha rappreżentant wieħed biss mill-ENGOs għaliex dawn għandhom rwol importanti ħafna fl-ambjent.
Appella lill-Gvern jaqbel mal-Oppożizzjoni li jkun hemm tliet rappreżentanti fil-bord minħabba r-rwol importanti li għandhom l-ENGOs fil-pajjiż, partikolarment fil-każ tal-università Ġordaniża fiż-Żonqor għaliex kienu huma li ġiegħlu lill-Gvern jagħmel pass lura u ma jeqirdux daqstant art verġni.
Dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni għamilhom il-Kap tal-Oppożizzjoni fid-dibattitu li għaddej bħalissa dwar it-twaqqif tal-Awtorità dwar l-Ambjent, li flimkien ma’ Awtorità oħra li l-Gvern se jwaqqaf b’liġi oħra u li se tkun responsabbli mill-ippjanar, se tkun qed tiżżarma l-MEPA.
Marthese Portelli qalet li l-Oppozizzjoni tixtieq li l-ENGOs ikollhom rappreżentanza tajba fuq il-bord tal-Awtorità dwar l-Ambjent u pproponiet li tlieta minn sitt membri għandhom jintgħażlu wara qbil.
L-emenda tal-Oppożizzjoni ma ġietx aċċettata iżda minkejja dan, l-Oppożizzjoni se tkompli tinsisti biex ikun hemm aktar involviment tal-ENGOs fl-Awtorità dwar l-Ambjent.
Marthese Portelli pproponiet li l-għaqdiet volontarji ambjentali għandhom jitqiesu eliġibbli biex jintgħażlu bħala konsulenti tal-Awtorità.
Hi qalet li l-għaqdiet ambjentali jafu min hu espert fis-suġġett, u għalhekk bħala konsulenti għandhom ikunu magħżula mhux biss min għandu kumpanija iżda anki l-għaqdiet volontarji jistgħu jingħataw din l-opportunità.
Kien għalhekk li l-Oppożizzjoni pproponiet li fuq il-bordijiet tal-Gvern ikun hemm rappreżentant tal-għaqdiet volontarji. Marthese Portelli qalet li l-għaqdiet volontarji ambjentali jkunu kkundisrati bħala konsulenti.
Il-Ministru Brincat qal li l-gvern mhux kontra r-rappreżentanza iżda ma qabilx dwar in-numru. Il-Gvern lest li jaqbel dwar rappreżentanza kollettiva tal-ENGO’s. In-nuqqas ta’ qbil hu dwar in-numru, sostna l-Ministru għall-Ambjent, li jekk ikun hemm qbil ġeneriku dwar l-eliġibbiltà, il-Gvern jaqbel li għaqdiet volontarji jkunu eliġibbli.
Marthese Portelli qalet li l-liġi kif inhi mhix ċara u għalhekk irid ikun speċifikat li l-ENGOs ikunu kkunsidrati bħala konsulenti. Il-Gvern ivvota kontra kull proposta li tressqet mill-Oppożizzjoni biex tissalvagwardja l-ambjent u għalhekk hu meħtieġ li din tkun inkluża fil-liġi.
Tintervjeni d-Deputat Marlene Farrugia
Id-Deputat Marlene Farrugia staqsiet x’għandu kontra l-Gvern li l-ENGOs ikunu kkunsidrati bħala konsulenti, bil-Ministru Brincat iwieġeb li l-liġi mhix teskludi lil dwn il-konsulenti. Hu qal li l-Gvern jaċċetta li jkunu kunsidrati għall-eliġibbiltà iżda l-konsulenti tal-għaqdiet volontarji m’għandhomx ikunu kkunsidrati qabel konsulenti oħrajn.
Marthese Portelli appellat biex il-liġi tispeċifika li l-ENGOs jikkwalifikaw ukoll, bil-Ministru Brincat iwieġeb li kull għaqda volontarja ambjentali għandha tkun eliġibbli u għalhekk ma jsibx oġġezzjoni għall-emenda tal-Oppożizzjoni, li kienet approvata.
Il-Ministru Brincat qal li l-Gvern lest li r-rappreżentant jintgħażel mill-ENGOs, u sostna li dan għandu jkun nominat mill-istess organizzazzjoni għalkemm m’hemmx lok li jerġa’ jinfetaħ id-dibattitu dwar in-numru. L-għażla tal-ENGOs tkun l-għażla tal-Gvern, sostna l-Ministru Brincat.
Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni Marthese Portelli qalet li minn bord ta’ għaxar membri għandu jkun hemm tlieta li jkunu appuntati direttament minn għaqdiet għalkemm il-Gvern irid biss membru wieħed.
Staqsiet għaliex il-Ministru jrid iżomm il-kontroll fuq il-bord, bil-Ministru jsostni li din id-diskussjoni diġà saret.
Marthese Portelli qalet li hi pproponiet li l-Ministru jżomm id-dritt li jekk l-ENGOs ma jipproponux it-tliet membri f’terminu speċifikat, allura jkun il-Ministru li jappuntahom. Irrimarkat iżda, li anki quddiem din il-proposta l-Gvern oppona.
Id-Deputat Marlene Farrugia qalet li jekk il-Gvern ra d-dawl u issa qed jaċċetta li l-ENGOs jipproponu l-membri huma, allura hemm qbil, waqt li rrimarkat li oriġinarjament il-Gvern ried li jagħżel hu r-rappreżentanti.
Il-Ministru Brincat qal li m’hemmx qbil dwar in-numru, iżda mhux ġust li jingħad li hu jagħżel hu r-rappreżentanti tal-ENGOs.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil intervjena u qal li l-Oppożizzjoni fehmet lill-Ministru Brincat propju bil-maqlub ta’ dak li qed jipprova jgħid issa.
Kif inhi miktuba l-kawsola l-ENGOs lanqas dritt li jagħżlu membru wieħed m’għandhom, sostna Simon Busuttil, li qal li issa li l-Gvern qed jaqbel li jkun wieħed minn sitta, jista’ jaqbel ukoll li l-ENGOs jinnominaw tlieta minn għaxra biex ikun hemm vuċi tal-għaqdiet. Minkejja dan, il-Gvern xorta se jibqgħalu l-maġġoranza iżda jidher li l-Gvern irid jagħti biss rappreżentant wieħed mill-ENGOs.
Il-Ministru Brincat qal li l-Gvern ma kienx qed jaqbel fuq l-għadd biss, u mhux jagħmel u-turn anzi qed ikun konsistenti.
Intervjena wkoll il-Ministru Michael Farrugia li qal li l-Gvern irid li tkun tassattiva li l-ENGOs iridu jaqblu bejniethom dwar ir-rappreżentanti.
Ix-Shadow Minister Marthese Portelli sostniet li l-Gvern issa qed jgħid li wieħed mill-għaxar membri tal-Bord tal-Awtorità dwar l-Ambjent jintgħażel mill-ENGOs, iżda l-Oppożizzjoni qed tipproponi li jkunu tlieta l-membri nominati mill-ENGOs. Dan bl-iskop li l-ambjent ikun salvagwardjat, sostniet Marthese Portelli, li nsistiet li din il-kritika mhix issir biss mill-Oppożizzjoni iżda qed issir ukoll minn diversi entitajiet oħra fosthom l-Ombudsman.
Hi sostniet li jista’ jkun li l-Awtorità tal-Ippjanar se titwaqqaf biss bħala make-up għaliex l-importanti hu kif fil-fatt din se ssir.
IdDeputat Marlene Farrugia qalet li meta tkellmet hi kienet għadha parti millGvern Laburista u sostniet li hi ħasset li l-Gvern Laburista jżomm il-wiegħda li jkun trasparenti.
Il-proposti tal-Gvern kienu li l-membri tal-ENGOs irid jagħżilhom hu, sostniet Marlene Frarugia, li qalet li din tagħtha ġewwa u rriżenjat għaliex il-Gvern ma kienx qed jagħmel dak li wiegħed.
“Jekk illum li-Gvern jidher li fehem li jagħti t-trasparenza u r-rappreżentanza ħieles, jien nappella lill-Ministru Brincat biex jammetti li għaġġel wisq u li issa se jagħti iktar riedni lis-soċjetà. Il-pajjiż ikun iggwadanja ħafna u jkun għamel il-pass ġganstesk li l-gvern irid ikun trasparenti”, sostniet Marlene Farrugia.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li d-diskussjoni mhix dwar il-MEPA iżda dwar bord ta’ awtorità waħda għall-ambjent biss, li bla dubju m’għandux ikollha rappreżentant wieħed biss mill-ENGOs għaliex dawn għandhom rwol importanti ħafna fl-ambjent. Appella lill-Gvern għandu jaqbel li jkun hemm tliet rappreżentanti fil-bord. L-ENGOs għandhom rwol importanti fil-pajjiż partikolarment fil-każ tal-università Ġordaniża fiż-Żonqor għaliex kienu huma li ġiegħlu lill-Gvern jagħmel pass lura u ma jeqirdux daqstant art verġni.
Hu qal li l-Kamra għandha tivvota fuq emendi li jirriflettu ż-żewġ pożizzjonijiet differenti.
Is-seduta f’dan il-ħin tinsab sospiża biex jittieħed vot dwar in-numru ta’ membri fil-Bord tal-Awtorità dwar l-Ambjent li jirrappreżentaw lill-ENGOs.
Ix-Shadow Minister Marthese Marthese Portelli qrat l-emenda tal-Oppożizzjoni li biha pproponiet li l-Bord ikollu tliet membri nominati mill-ENGOss. Dan irid isir fi żmien xahar minn meta javżahom il-Ministru għall-Ambjent, u li jekk huma ma jgħmlux dan, ikun il-gvern li jinnomina lit-tliet membri. L-ENGOs iridu jaqblu bejniethom dwar dawn il-membri.
Marlene Farrugia titlob lill-Partit Laburista jinġabar mal-elettorat
Id-Deputat Marlene Farrugia qalet li l-Partit Laburista jista’ jinġabar, iżomm kelmtu mal-elettorat u għalhekk appellat biex id-Deputati Laburisti jiġbdu lill-Partit Laburista minn xagħaru f’demokrazija mifruxa. Membru wieħed mhux biżżejjed, iżda tlieta, sostniet Marlene Farrugia.