“Jien mhux se nħassar iċ-CHOGM għax xi ħadd fuq Facebook jgħidli biex inħassru. S’issa ma jirriżultax li hemm xi theddida fuq Malta, imma jekk ikun hemm, inħassru.”
Kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat hekk kif illejla qed jitkellem waqt il-programm Xarabank, fuq Television Malta.
Il-kliem ta’ Muscat jasal ftit minuti biss wara li ħarġet l-aħbar li żewġ Sirjani, ta’ 18 u 19-il sena, ġew arrestati fl-ajruport ta’ Ciampino wara li ppruvaw jaqbdu titjira lejn Malta b’passaporti foloz.
Ilbieraħ ġew arrestati żewġ Sirjani oħra, din id-darba ta’ 19 u 30 sena ġew arrestati fl-ajruport ta’ Bergamo, wkoll waqt li kellhom passaporti foloz u riedu jiġu Malta waqt li llum stess f’pajjiżna tressaq il-Qorti żagħżugħ ta’ 18-il sena wara li jumejn ilu pprova jidħol f’pajjiżna b’passaport falz.
Mistoqsi propju dwar dawn l-attentati minn Sirjani biex jidħlu f’Malta, il-Prim Ministru rrikonoxxa li fost ir-raġunijiet diversi, jista’ jkun li dawn kienu qed jippruvaw jidħlu f’Malta għal skopijiet ħżiena.
Madankollu qal li dan s’issa ma jirriżultax għaliex gġad irid jiġi stabbilit għaliex għażlu Malta.
//= $special ?>