Aġġornata
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ż-żewġ Sirjani li kienu qed jivvjaġġaw lejn Malta ma kienux qed iġorru ritratti tal-ISIS magħhom.
Muscat għadda dawn il-kummenti dalgħodu u qal li madanakollu, wieħed mill-irġiel li nqabdu kellu ritratt ta’ ġellied fis-Sirja u żied li m’hemm l-ebda informazzjoni li tgħid li ż-żewġ Sirjani kellhom motivi ulterjuri.
Aktar kmieni…
Żewġ Sirjani li kienu se jaqbdu titjira lejn Malta ġew arrestati f’Bergamo, l-Italja, fuq suspett li huma terroristi. Skont l-ANSA, aġenzija tal-aħbarijiet fl-Italja, il-persuni għandhom 19 u 30 sena.
Dan wara li s-Sirjani, li jidher li kienu qed jużaw passaporti foloz, kellhom numru ta’ ritratti tal-gwerra fuq il-mobiles tagħom. Il-passaporti taż-żewġ Sirjani minflok kienu juru li wieħed hu Norveġiż u ieħor Awstrijak.
Is-suspett fiż-żewġ Sirjani tqanqal wara li dawn kienu qed jitkellmu biss bl-Għarbi. Kien hawn li l-Pulizija ssekwestrat il-mobiles tagħhom u sabet ir-ritratti tal-gwerra u oħrajn li jidher li huma assoċjati mal-ISIS.
Skont l-ewwel rapporti fl-Italja jidher li wieħed miż-żewġ persuni kellu ritratt tiegħu, meta kien iżgħar, b’arma tan-nar f’idu. It-tnejn li huma tressqu mill-ewwel quddiem il-Qorti ta’ Bergamo u nżammu arrestati.
Dan hu t-tieni każ simili, hekk kif f’Ottubru li għadda, din id-darba fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Katanja, ġie arrestat Kasem Almsleh, Sirjan ta’ 37 sena, li kien ġej lejn Malta b’dokumenti foloz.
//= $special ?>