Lokali

Is-sewwieqa Maltin l-iktar li jgħaddu ħin fit-traffiku fl-UE

L-EU Transport Scoreboard jgħid li s-sewwieqa f’Malta jgħaddu 72.48 siegħa fis-sena mwaħħla fit-traffiku. Malta tgħaddi lil kull pajjiż ieħor fl-UE għal dak li hu l-ħin moħli minħabba t-traffiku, u taqta’ lit-tieni klassifikat, il-Greċja, bi kważi d-doppju. Is-sewwieqa Griegi huma stmati li jaħlu 41.30 siegħa fit-traffiku. Id-Daniżi jgħaddu 21 siegħa fis-sena fit-traffiku.

Malta marret ħażin ukoll fil-punteġġ mogħti lill-kwalità tat-toroq, bil-ħames l-agħar riżultat ta’ 3.65 meta l-medja għall-UE hi ta’ 4.88.

Malta waqgħet lura wkoll għat-tkomplija tan-netwerk tat-TEN-T, b’punteġġ ta’ 55% meta l-medja għall-UE hi ta’ 74%.

Mil-lat pożittiv, Malta għandha l-inqas rata ta’ mwiet fit-toroq għal kull resident, b’24 fis-sena. Hi madankollu fost l-aħħar għall-impjieg ta’ nisa fil-qasam tat-trasport.

Malta kienet taħt il-medja Ewropea ta’ 75.5 punt, bil-livell ta’ sodisfazzjon tal-klijent għat-trasport urban, li tkejjel fil-livell ta’ 71.4 punt, u b’10 punti għaż-żmien li wieħed jieħu biex jimporta jew jesporta bil-baħar, meta l-medja Ewropea kienet ta’ 11-il punt.

Malta però qabżet il-medja tal-UE għas-sodisfazzjon għat-trasport bl-ajru, bil-punteġġ ta’ 85.4 waqt li l-medja tal-UE kienet ta’ 79.4. Qabżet ukoll il-medja Ewropea għall-infrastruttura tal-portijiet u tat-trasport bl-ajru.

Min-naħa l-oħra, kisbet riżultati negattivi għan-nefqa privata fil-qasam tar-riċerka u żvilupp fit-trasport, fil-konsum ta’ enerġija alternattiva għat-trasport u fl-użu ta’ karozzi ġodda li jaħdmu bil-fuel alternattiv.