Lokali

It-tfal għandhom ikunu l-ispirazzjoni tal-politiċi fid-deċiżjonijiet li jieħdu – il-PN

Id-deċiżjonijiet li jieħdu l-politiċi llum iħallu impatt, mhux biss fuq il-ġenerazzjoni tal-lum, iżda wkoll fuq il-ħajja tat-tfal tal-lum u tal-ġenerazzjonijiet futuri. Hu għalhekk li fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ biex f’kull deċiżjoni li jieħdu, il-politiċi jpoġġu l-interessi tat-tfal bħala prijorità ħalli jkun assigurat li l-ġenerazzjonijiet li għadhom ġejjin ikollhom ħajja aqwa milli għandna llum.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, f’isem ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabbiltà Robert Cutajar, fejn il-PN ħeġġeġ lill-Gvern ma jkomplix jitraskura l-Abbozz ta’ Liġi li hemm quddiem il-Parlament biex jindirizza l-ħarsien tat-tfal. Dan l-Abbozz ilu fuq l-ixkaffa aktar minn 17-il xahar u l-Partit Nazzjonalista jemmen li għandu jitpoġġa fuq l-aġenda mill-aktar fis possibbli.

Il-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-Kummissarju tat-Tfal Helen D’Amato għall-ħidma u d-dedikazzjoni li wriet fis-snin li serviet bħala Kummissarju tat-Tfal, filwaqt li awgura li Pauline Miceli timxi fuq l-istess passi. Sostna li jemmen bis-sħiħ fil-ħiliet u l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-ħajja soċjali, tant li anke mill-Oppożizzjoni, f’ħafna mill-attivitjiet li jorganizza, jinkludi l-parteċipazzjoni tat-tfal, fosthom waqt Misraħ il-Milied, li se jkun organizzat fid-Dar Ċentrali bejn it-8 u t-12 ta’ Diċembru li ġej.