Lokali

Tfittxija għal 30 persuna li daħlu f’Malta b’dokumenti foloz

Il-Gvern Malti fi stqarrija ħabbar li mill-bidu ta’ din is-sena f’pajjiżna daħlu xejn inqas minn 30 persuna ta’ nazzjonalitajiet differenti, l-iktar Somali imma wkoll Sirjani, b’mod illegali permezz ta’ dokumenti foloz.

Dan sar magħruf wara li ħidma bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk ta’ diversi pajjiżi oħra wasslet biex inkixef ċirku li permezz tiegħu persuni kienu qed jiddaħħlu illegalment Malta permezz ta’ dokumenti foloz.Iċ-ċirku inqabad hekk kif l-awtoritajiet Maltin issospendew ir-regoli ta’ Schengen u dawk Taljani infurzaw il-kontrolli fl-ajruporti.

Fl-istqarrija, il-Gvern Malti jgħid li “ħalissa qed jiġu rintraċċati flimkien mal-persuni hawn Malta involuti f’dan iċ-ċirklu.”

Skont il-Gvern Malti, jidher li dawn il-persuni kienu qed jiġu Malta biex japplikaw għal status ta’ refuġjati kif ukoll biex jippruvaw isibu xogħol. Jirriżulta li dawn il-persuni jużaw ritratti ta’ persuni involuti fi gwerra, li jgħidu li jkunu familjari tagħhom, biex isaħħu l-applikazzjoni tagħhom għal ażil.

L-Avukat Ġenerali ntalab jagħti parir dwar l-istatus ta’ dawn il-persuni u x’passi jistgħu jittieħdu fil-konfront tagħhom.